Tuesday, May 14, 2024

L-inflazzjoni bi tnaqqis sostanzjali… bżonn ta’ aktar monitoraġġ

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur konna qegħdin naraw l-inflazzjoni f’pajjiżna dejjem tiela ‘l fuq. Minkejja li għadd ta’ pajjiżi Ewropew bdew jesperjenzaw tnaqqis fl-inflazzjoni għalkemm mhux kulħadd, f’Malta it-tnaqqis kien wieħed minimu. Kien proprju fix-xahar ta’ April li rajna tnaqqis sostanzjali fir-rata ta’ inflazzjoni.

Filfatt fʼApril tas-sena 2023, ir-rata annwali tal-inflazzjoni hekk kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet ta’ 6.4 fil-mija. Dan ifisser tnaqqis ta 0.7 fil-mija, metą mqabbel mar-rata ta’ inflazzjoni rreġistrata fʼMarzu 2023 fejn dak inhar kienet ta’ 7.1 fil-mija.

Jekk nieħdu April ta’ din is-sena u nqabbluh ma’ April tas-sena li għaddiet, naraw li kien hemm żieda ta’ punt perċentwali meta sena ilu ir-rata annwali tal-inflazzjoni kienet ta’ 5.4 fil-mija. Jirriżulta li l-ogħla impatt fir-rata annwali tal-inflazzjoni kien imkejjel fl-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku b’1.99 punti perċentwali. Din iż-żieda kienet l-aktar minħabba prezzijiet ogħla ta’ prodotti essenzjali bħal ħalib u ġobon fost oħrajn.

It-tieni l-akbar impatti fuq l-inflazzjoni ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi b’1.15 punti perċentwali.

Wieħed irid jirrimarka li l-inflazzjoni f’Malta baqgħet f’livelli ħafna inqas minn dawk tal-pajjiżi tal-lvant tal-Ewropa, minħabba li l-Gvern baqa’ jissussidja l-enerġija u ma żiedx il-kontijiet. Apparti dan, il-prezzijiet tal-fjuwil baqgħu l-istess.

Biss minkejja dan, meta l-konsumatur Malti qed imur jixtri qiegħed jesperjenza żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, żidiet kontinwi li xi drabi jnisslu ukol rabja. Ma’ dawn hemm il-prezzijiet tar-ristoranti. Spiss qed jiġri li konsumaturi Maltin qegħdin iqabblu prodotti f’Malta ma’ dawk fi Sqallija u qegħdin jinħarġu ħafna differenzi fil-prezzijiet.

Ovvjament hemm diversi raġunijiet għaliex il-prezzijiet hawn Malta huma għola minn dawk fi Sqallija. Biss wieħed ma jistax jeskludi li jista’ jkun hawn min qed jabbuża f’pajjiżna. Hawn korporazzjonijiet kbar dinjin li qegħdin jgħollu l-prezzijiet b’mod kontinwu, u waqt li jagħmlu dan qegħdin narawhom ikabbru l-profitti tagħhom b’mod sostanzjali.

Nemmnu li hemm bżonn monitoraġġ kontinwu tas-suq biex fejn hemm l-abbuż dan ikun trattat. Irridu naraw ukoll li l-prezz li nsibu fil-ħwienet ikunu dawk reali għax spiss jiġri li fuq l-ixkaffa l-prezz ikun mod imma fuq l-irċevuta ikun għola.

Nemmnu ukoll li l-konsumatur għadu mhux konxju biżżejjed dwar is-sussidju fuq l-elettriku kemm għal konsumaturi u kemm għan-negozji. Nemmnu li fil-kont tal-elettriku għandu jkun hemm il-prezz li kieku jħallas il-konsumatur kieku l-enerġija hi bil-prezz tas-suq. Din hi importanți għall-konsumatur.

Illum il-pajjiż qed joħroġ flejjes kbar f’sussidji għall-enerġija. Sussidji li huma importanti biex żammew l-inflazzjoni f’ċertu livell u ma komplietx togħla. Żieda fil-prezz taż-żejt, tfisser li l-gvern ikollu jżid l-infieq tiegħu fuq is-sussidju għall-enerġija.

Il-konsumatur hawn jista’ jagħmel il-part tiegħu. Jekk ma naħlux ħafna enerġija dan ikun ifisser li l-gvern se jnaqqas is-sussidju tiegħu. Inqas ħela tfisser inqas infieq mill-gvern fuq dan il-qasam f’sussidju. 

Sport