Saturday, May 4, 2024

L-inflazzjoni: Għalfejn qed togħla l-ħajja?

Melvic Zammit
Melvic Zammit
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-inflazzjoni hija r-rata tal-mod kif qed jogħlew il-prezzijiet. Jekk għall-argument il-prezz ta’ kartuna ħalib huwa ta’ ewro, u dan żdied b’5 ċenteżmi, ir-rata tal-inflazzjoni tal-ħalib hija ta’ 5%.

F’Malta, iż-żieda fil-prezz tal-ikel wasslet biex tgħolli r-rata ġenerali tal-inflazzjoni. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi s-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 5.24% fil-prezz tal-ikel, b’dan iwassal biex ir-rata tal-inflazzjoni titla’ minn 2.38% (Novembru 2021) għal 2.59% (Diċembru 2021). 

Fi kliem il-Professur Philip von Brockdorff, Deputat Dekan tal- Fakutlà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy fl-Università ta’ Malta, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja huma konsekwenza tal-pandemija, b’din ikollha impatt fuq l-ispejjeż marbuta ma’ trasportazzjoni u diffikultà fil-provvista ta’ prodotti essenzjali.  

Huwa qal li s’issa Malta ma ntlaqtitx minn żidied fil-prezzijiet tal-gass naturali kif ukoll fuq fjuwil iżda mhux eskluż li dawn iż-żidied fil-prezzijiet ikollhom impatt fuqna aktar tard din is-sena. Iżda ma jistax jingħad l-istess għal prodotti tal-ikel u prodotti oħra li jinxtraw mis-supermarkets. “Kumpaniji kbar qed jgħollu l-prezzijiet minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ qmuħ u prodotti primarji oħra. Id-dubju jibqa’ jekk dawn iż-żidied humiex ġustifikati jew le. Li hu żgur hu li ilna ma naraw żidied daqstant għoljin.” 

Il-Professur von Brockdorff qal li l-Gvern konxju minn din ir-realta’ u s’issa ħa passi billi titneħħa s-sisa minn fuq il-fjuwil jew prodotti tal-enerġija. “Dan għen biex ir-rata ta’ inflazzjoni tibqa’ taħt l-erbgħa fil-mija. Filfatt din telgħet l-iżjed għal 2.6%”. Irrimarka li waqt li għad hemm fejn il-Gvern jista’ jgħin biex itaffi l-impatt fuq prezzijiet tal-enerġija, ftit li xejn jista’ jsir fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u prodotti oħra bħal dawk tal-iġene.

Huwa fakkar li hemm il-COLA li ttaffi xi ftit iż-żidied fil-prezzijiet iżda din tingħata b’lura u ma jidhirx li l-prezzijiet, speċjalment ta’ prodotti li jinxtraw minn supermarkets, se jmorru lura kif kienu. Żied jgħid li hawnhekk fejn possibilment ikollna niddependu aktar fuq prodotti tal-ikel imkabbra lokalment. “Iżda l-idea li mmorru lura għal xi forma ta’ import substitution mhix waħda realistika minħabba kif inbidel il-konsum matul iż-żminijiet,” temm jgħid il-Professur von Brockdorff. 

Sport