Thursday, April 18, 2024

L-Ingilterra mal-Aħħar 16 bi tliet goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Wales……………0

Ingilterra………3

Kellhom ikunu tliet goals fit-tieni taqsima li permezz tagħhom it-team nazzjonali Ingliż għeleb lil dak ta’ Wales bl-iskor ta’ 3-0 biex kisbu post mal-aħħar 16 u temmew fil-quċċata ta’ Grupp B b’seba’ punti.

Kienu l-Ingliżi li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta Harry Kane għadda pass eċċellenti lejn Marcus Rashford, iżda pront kien il-goalkeeper ta’ Wales, Danny Ward, li ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.

Huma komplew fuq l-offensiva u fid-39 minuta, Jordan Henderson xeħet cross għan-nofs li sab lil Marcus Rashford li kellu t-tentattiv tiegħu minn rovexxjata mill-viċin jintemm barra.

It-Three Lions fetħu l-iskor fil-50 minuta permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Marcus Rashford li ma ta l-ebda ċans lil Ward.

U l-Ingliżi bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal, li huma ma rduppjawx l-iskor minuta biss wara meta Marcus Rashford qabeż lil Ben Davies barra l-kaxxa, b’Harry Kane jirbaħ il-loose ball u xeħet cross għan-nofs bid-difiża ta’ Wales tonqos milli tikklerja. Il-ballun wasal għand Phil Foden li minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.

Jidher li t-team immexxi mill-coach Gareth Soutgate ma kienx kuntent biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif fit-68 minuta, skorja t-tielet goal biex issiġilla r-rebħa, meta s-sostitut Kalvin Phillips għadda tajjeb lejn Marcus Rashford li avvanza fil-kaxxa, qabeż lil Connor Roberts, qabel għadda l-ballun minn taħt saqajn Ward, biex irreġistra doppjetta personali u skorja l-100 goal għall-Ingilterra f’edizzjoniiet differenti tat-Tazza tad-Dinja.

U fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud, l-Ingliżi setgħu faċilment għamluhom erbgħa, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Phil Foden, id-difensur John Stones minn taħt il-lasta, tefa’ inkreddibilment għoli.

Wales: Danny Ward, Neco Williams (Connor Roberts 36), Chris Mepham, Joe Rodon, Ben Davies (Joe Morrell 59), Joe Allen (Rubin Colwill 81), Ethan Ampadu, Gareth Bale (Brennan Johnson 46), Aaron Ramsey, Daniel James (Harry Wilson 77), Kieffer Moore Coach: Rob Page

Ingilterra: Jordan Pickford, Kyle Walker (Trent Alexander-Arnold 57), John Stones, Harry Maguire, Luke Shaw (Kieran Trippier 65), Jordan Henderson, Declan Rice (Kalvin Phillips 57), Jude Bellingham, Phil Foden, Harry Kane (Callum Wilson 57), Marcus Rashford (Jack Grealish 75) Coach: Gareth Southgate

Referee: Slavko Vincic (Slovenja)

Ammoniti: D. James, A. Ramsey (W)

Ekonomija

Sport