Thursday, April 18, 2024

Il-BOV jtella’ Ċerimonja ta’ Gradwazzjoni għall-impjegati tiegħu

Iktar minn 300 impjegat itemmu studju f’Livelli ta’ Kwalifika 5 u 6 fuq 3 snin

Aqra wkoll

Matul l-aħħar tliet snin, madwar 300 impjegat tal-Bank of Valletta temmew b’suċċess minn tal-inqas wieħed mill-kwalifiki li l-Bank joffri lill-impjegati tiegħu permezz taċ-ċentru tat-Taħriġ u l-Iżvilupp. Il-korsijiet kollha offruti, huma rikonoxxuti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja MFHEA u jikkwalifikaw fil-ħames u s-sitt livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki.

Il-Bank of Valletta rrikonoxxa s-suċċess ta’ dawn l-impjegati f’Ċerimonja ta’ Gradwazzjoni li kienet l-ewwel waħda sa minn mindu faqqgħet il-pandemija. Matul iċ-ċerimonja, l-impjegati li temmew l-istudji tagħhom bejn l-2020 u l-2022 ġew preżentati b’Ċertifikati ta’ Mertu. 

Kif spjegat Dr Tania Camilleri li tmexxi t-taqsima tat-Taħriġ u l-Iżvilupp, il-kwalifiki fil-5 livell ivarjaw minn taħriġ f’oqsma tekniċi għal oħrajn iktar iffukati fuq l-iżvilupp personali. Taħriġ fuq l-Investiment, Servizzi Finanzjarji għan-Negozji u Servizzi Bankarji għall-Klijenti Personali jkopru l-eżiġenzi Bankarji; filwaqt li t-taħriġ personali jiffoka fuq Tmexxija (Leadership) u Maniġment, Żvilupp Personali u taħriġ għal impjegati li jridu jiżviluppaw il-mod kif iħarrġu kollegi oħra.

Meta wieħed jifli l-figuri, jinduna li f’din il-Gradwazzjoni kien hemm preżenza qawwija ta’ impjegati femminili li għażlu jkomplu bl-istudji tagħhom. Filfatt, 71% ta’ dawk li gradwaw huma nisa. Dan il-proporzjon huwa saħansitra ikbar mid-59.5% tan-nisa li jiffurmaw parti mill-popolazzjoni tal-impjegati kollha.

F’diskors tal-ftuħ, iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, saħaq li t-tagħlim u l-possibiltà li wieħed jgħaddi t-tagħrif lil ħaddieħor, jarrikkixxu l-ħajja u l-esperjeza fil-karriera ta’ kull individwu. “Dan għandu jħeġġiġna li nkunu Kurjużi u Ambizzjużi, għatxana li nitgħallmu xi ħaġa ġdida kuljum. Barra minn hekk, irridu nkunu Kompetenti u nużaw l-aqwa riżorsi sabiex nitgħallmu u ngħallmu”. Finalment, tenna Dr Cordina “għandna naffaċċjaw it-tagħlim b’Umiltà, grati għall-opportunitajiet li ntejbu lilna nfusna, u ġenerużi fl-istess waqt sabiex naqsmu dak li nkunu ksibna, mal-kollegi.”

Fl-inidirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, is-Sur Kenneth Farrugia, esprima sodisfazzjon li iktar minn 300 impjegat għażlu li jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom fil-karriera billi jsaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom permezz tal-Akkademja tal-Bank. “Il-Bank huwa kommess li jiżviluppa u jindokra t-talenti tal-impjegati tiegħu billi jipprovdilhom programmi ta’ taħriġ adegwat li jilħqu l-ħtiġijiet tan-negozju u tal-klijenti bl-aktar mod professjonali”, qal is-Sur Farrugia.

Waqt li faħħar l-impenn ta’ dawk preżenti, il-Kap Eżekuttiv ħabbar li l-Bank se jkompli jinċentiva iżjed ħaddiema jkomplu jistudjaw u jiżviluppaw il-ħiliet billi joffri għajnuna finanzjarja relata mat-tkomplija tal-istudju f’istituzzjonijiet esterni. Dawn l-inċentivi se jkopru wkoll lil dawk l-impjegati li diġà applikaw għal taħriġ estern matul din is-sena. Dan ikompli jikkumplimenta il-benefiċċji diġà offruti mill-BOV fosthom leave għall-istudju u self vantaġġjat għat-tkomplija tal-istudju.

Il-Bank of Valletta se jkun qed iħabbar iktar dettalji dwar dan, fi żmien li ġej. 

Dr Tania Camilleri qalet li minħabba li l-industrija fis-settur finanzjarju, dejjem qegħda tevolvi, il-metodoloġija ta’ kif isiru l-programmi ta’ taħriġ, trid tibqa tiġi aġġornata kontinwament. Semmiet kif il-Bank addotta mudell ta’ 70-20-10 f’numru ta’ korsjiet matul din is-sena. Dan il-mudell iwassal biex 70% tat-tagħrif jinkiseb waqt l-esperjenza fuq il-post tax-xogħol, 20% permezz ta’ taħriġ u gwida, u 10% biss jikkonsisti f’tagħlim formali. Dan il-mudell jassigura li l-parteċipanti jżommu perċentwal ogħla ta’ tagħrif anke wara li jkunu temmew it-tagħlim fil-klassi.

“L-għan aħħari tal-funzjoni tat-Tagħlim u l-Iżvilupp tal-BOV huwa wieħed sempliċi”, temmet tgħid Dr Camilleri. “L-għan tagħna huwa li niżviluppaw it-talenti u nkabbru l-ħiliet tan-nies tagħna. Dan huwa investiment dirett fihom u fil-kwalità tas-servizz li noffru lill-klijenti tagħna”.

Ekonomija

Sport