Friday, April 26, 2024

Surġent jgħid li bilkemm felaħ jorqod wara li sema’ bl-allegat abbuż minn kollegi tiegħu

Ikompli l-każ kontra tliet Kuntistabbli mixlija li ħatfu u sawtu persuni barranin

Aqra wkoll

Surġent tal-Pulizija li rrapporta lil tlieta mill-kollegi tiegħu talli allegatament aggredew persuni barranin irrakkonta kif huwa ma kienx qed jirnexxielu jorqod wara li sar jaf bl-allegata mġiba tagħhom.

Is-Surġent Nathan Zerafa qal li l-ewwel darba li sema’ b’dawn il-każi kien waqt li kien xogħol fil-Victor Tedesco Stadium fit-2 ta’ Ottubru.

Tliet uffiċjali li kien fl-istess shift tiegħu kienu tkellmu miegħu dwar dak li allegatament kien qed jiġri, waqt ix-xift ta’ billejl fl-għassa tal-Ħamrun.

Huma semmewlu tliet uffiċjali tal-pulizija u dehru jimplikaw li kienu wara ċertu abbużi li kienu qed iseħħu.

Zerafa qal li l-għada kien qajjem il-kwistjoni ma’ tliet uffiċjali oħra, li qalulu li tlieta mill-kollegi tagħhom fix-xift ta’ billejl kienu jaħtfu ċertu persuni, jiħduhom f’post imwarrab f’Ħal Qormi u allegatament “jużaw il-forza fuqhom.”

Zerafa kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra tliet Kuntistabbli – Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena, Luca Brincat ta’ 20 sena u Jurgen Falzon ta’ 24 sena li jinsabu mixlija li ħatfu persuni barranin biex isawtuhom u mbagħad jitilquhom f’post imwarrab. It-tliet imputati bħalissa jinsabu sospiżi minn xogħolhom.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, ix-xhud qal li kien inkwetat ħafna wara li sema’ fuq l-allegat swat. Qal li kollega ieħor li kien sar jaf bl-abbuż ukoll kien inkwetat u li t-tnejn li huma “bilkemm felħu jorqdu dawk il-jiem.”

Zerafa u l-kollega tiegħu mbagħad kienu kellmu lis-superjuri tagħhom, żewġ spetturi, li ħeġġewhom biex jirrapportaw il-każ immedjatament lit-Taqsima tal-Istandards fi ħdan il-Korp. 

Huma fil-fatt kien bagħtu email, li wassal biex jiġu arrestati t-tliet suspettati, li qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Il-każ ikompli f’Diċembru.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit megħjuna mill-Avukat Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili qed jidhru għal Mifsud Grech, l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal Brincat mentri l-Avukat Edmond Cuschieri qed jidher għal Falzon. 

Sport