Il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) u l-Active Ageing and Community Care (AACC) qed isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom permezz ta’ ftehim biex aktar anzjani jingħataw l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jużaw l-intelliġenza artifiċjali b’mod sigur u responsabbli.
Il-ftehim, iffirmat fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva Deo Debattista, se jwassal il-kors AI4ALL fiċ-ċentri tal-anzjani u fid-djar residenzjali. Din il-ħidma għandha l-għan li ssaħħaħ l-inklużjoni diġitali u tgħin lill-anzjani jibqgħu aktar konnessi, indipendenti u attivi fil-komunità.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega li, filwaqt li qed jiġu esplorati opportunitajiet ġodda bl-Intelliġenza Artifiċjali fl-industrija u f’setturi fosthom dawk tas-saħħa u l-kura, għandna nagħrfu wkoll il-benefiċċji ta’ din it-teknoloġija fil-ħajja ta’ kuljum. Saħaq li, bħalma fil-passat sar taħriġ biex in-nies fosthom l-anzjani jingħataw għarfien dwar teknoloġija bħall-kompjuters u l-internet, issa rridu nagħmlu l-pass li jmiss biex kull ġenerazzjoni tkun tista’ tibbenefika minn dawn l-għodod ġodda.
“L-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tgħinna anke f’affarijiet sempliċi, bħal meta nfittxu informazzjoni, niktbu messaġġ jew nitgħallmu xi ħaġa ġdida. Permezz ta’ dan it-taħriġ, qed nagħtu lill-anzjani tagħna l-għarfien u l-kunfidenza biex jużaw dawn l-għodod b’mod sigur u jsaħħu l-indipendenza tagħhom, għaliex irridu li l-progress jasal għand kull ġenerazzjoni,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-inizjattiva AI4ALL hija maħsuba biex tagħmel l-għarfien dwar l-intelliġenza artifiċjali aktar aċċessibbli għall-komunitajiet kollha. “L-għan tagħna huwa ċar: irridu li l-intelliġenza artifiċjali tasal għand kulħadd. L-anzjani tagħna għandhom ukoll l-opportunità li jifhmu u jużaw dawn it-teknoloġiji b’kunfidenza. It-trasformazzjoni diġitali hija dwar kif nużaw l-innovazzjoni biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, u dan il-ftehim huwa pass konkret f’din id-direzzjoni,” qal il-Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista stqarr, “Permezz ta’ dan il-ftehim, qed ngħaqqdu l-innovazzjoni mal-esperjenza, billi nwasslu taħriġ prattiku dwar l-intelliġenza artifiċjali fis-36 Ċentru għall-Anzjanità Attiva. Irridu li l-anzjani tagħna jkollhom l-għarfien u l-kunfidenza biex jużaw dawn l-għodod b’mod sigur u responsabbli, u jibqgħu parteċipanti attivi f’soċjetà li dejjem qed tinbidel.”
Bħala parti mill-ftehim, membri tal-istaff tal-AACC se jingħataw taħriġ permezz tal-metodu train-the-trainer, sabiex ikunu jistgħu jiggwidaw u jassistu lill-parteċipanti. Il-kollaborazzjoni se tinkludi wkoll inizjattivi ta’ għarfien dwar l-użu responsabbli tal-intelliġenza artifiċjali u l-pubblikazzjoni ta’ dokument ta’ pożizzjoni dwar l-implimentazzjoni sigura tagħha.
Ġie rikonoxxut ukoll il-ħidma tal-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat, tal-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Steve Agius u tat-timijiet rispettivi tagħhom biex din il-kollaborazzjoni twassal għal opportunitajiet konkreti għall-anzjani.
