Friday, January 10, 2025

“L-inkjesta Vitals tmexxiet b’mod maħsub biex jien ma nkunx nista’ nħares l-interessi tiegħi”

– Dr Joseph Muscat

Aqra wkoll

L-inkjesta Vitals tmexxiet b’mod maħsub biex jien ma nkunx nista’ nissalvagwardja l-interessi tiegħi. Iddikjara dan l-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat meta xehed fil-Qorti Kostituzzjonali f’kawża li fetaħ huwa stess.

Dr Muscat allega li l-proċeduri fl-inkjesta fil-konfront tiegħu ma sarux kif suppost u kollox sar bi ħsieb u bi skema. L-eks Prim Ministru spjega illi t-talba fil-konfront tiegħu min-naħa tal-għaqda Repubblika saret f’Novembru 2021, meta huwa ma kienx għadu Prim Ministru u meta l-inkjesta Vitals kienet diġà ntalbet u nfetħet. “Fit-talba oriġinali biex tinfetaħ l-inkjesta ismi ma jissemmix,” kompla jgħid Dr Muscat.

L-eks Prim Ministru kompla jgħid illi Repubblika fuq parir legali, kif intqal fil-Qorti stess, m’għamlux bħas-soltu u kitbu lill-Maġistrata Gabriella Vella li kienet qed tmexxi l-inkjesta Vitals, għaliex il-Maġistrata kien ikollha tibgħat kollox għand Maġistrat differenti biex issir inkjesta ġdida u huwa kien ikollu s-salvagwardja li jwieġeb għall-akkużi fil-konfront tiegħu.

Minflok, spjega Dr Muscat, Repubblika kitbu lill-Kummissarju tal-Pulizija li normalment kien imur għand il-Maġistrat tal-Għassa, Maġistrat ukoll differenti mill-Maġistrata Vella, u mill-ġdid huwa kien ikollu d-dritt tiegħu li jwieġeb, imħares. L-eks Prim Ministru qal illi iżda kif ħareġ minn xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija fil-Qorti, il-Maġistrata Vella kienet qalet lill-istess Kummissarju sabiex jinfurmaha b’kull ħaġa rigward l-isptarijiet u wara li l-Kummissarju għamel hekk dwar ir-rapport ta’ Repubblika, il-Magistrat Vella qaltlu sabiex jimxi fuq id-direzzjoni tagħha.

“Dan jikkonferma li l-Maġistrata Gabriella Vella dderiġiet il-proċess kollu u ħadmet biex tikkapparra kollox f’idejha, anki dak li ma kellux x’jaqsam remotament mal-inkjesta oriġinali.” Dr Muscat qal li dan kollu wassal biex huwa kien qed jiġi investigat mingħajr ma qatt ingħata d-dritt li jissalvagwardja l-pożizzjoni tiegħu. L-eks Prim Ministru qal li huwa spiċċa l-attur prinċipali fl-inkjesta Vitals, akkużat b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, frodi u li huwa kap ta’ organizazzjoni kriminali, meta ismu ma kienx inkluż fit-talba oriġinali għall-inkjesta.
 
Sena u nofs wara 

Mistoqsi mill-avukat Charlon Gouder dwar x’passi ħa min-naħa tiegħu meta dehru fil-gazzetti allegazzjonijiet kontrih dwar konsulenzi lil terzi, l-eks Prim Ministru spjega illi huwa kien ippreżenta nota fis-16 ta’ Novembru 2021 fejn talab lill-Maġistrata Vella biex imur iwieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħha u biex juri li ma kien minnu xejn li dan ix-xogħol ta’ konsulenzi kien fih xi ħaġa irregolari kif allegat Repubblika. Dr Muscat qal li huwa ried jippreżenta lill-Maġistrat dokumenti dwar ix-xogħol li kien għamel u jindikalha persuni li jikkoroboraw dak li kien qiegħed jgħid huwa, affarijiet li issa se jkollu jippreżenta xi mkien ieħor.

“Iżda minflok bagħtet għalija”, kompla l-eks Prim Ministru, “il-Maġistrata ordnat li jsiru tfittxijiet fid-dar u fl-uffiċċju tiegħi illi kienu instigati politikament u ma kellhom ebda għan li jfittxu l-verità.” Dr Muscat qal illi l-Maġistrata Vella wieġbet għat-talba tiegħu ta’ Novembru 2021, fit-23 ta’ Mejju 2023, sena u nofs wara u ħamest ijiem wara li huwa kien talab biex l-istess Maġistrata tirrikuża ruħha. “Dan il-proċess tellifni l-fiduċja li kelli fil-ġudikatura,” qal l-eks Prim Ministru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport