Sunday, April 19, 2026

L-insulti fuq il-Papa minn Trump …intimidazzjoni u arroganza bla preċedent

Aqra wkoll

Dak li seħħ fl-aħħar jiem bl-attakk u bl-insulti tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump fuq il-Papa Ljun XIV, kien bla preċedent. Fil-passat kien hemm kunflitti oħra bejn Papiet u mexxejja dinjin imma żgur li dak li ġara fl-aħħar jiem kien bla preċedent.  Dak li seħħ fl-aħħar jiem hu totalment differenti minn dak li ġara qabel. 

L-attakk dispreġjattiv minn naħa ta’ Trump u l-kummenti li għamel kienu  xi ħaġa li qatt ma rajna bħalhom fl-istorja moderna. Minn naħa tiegħu, Papa Ljun XIV, li forsi ammont ta’ xhur ilu kien qiegħed jiġi kritikat li kien kwiet wisq u messu jitkellem aktar fuq il-kunflitti madwar id-dinja u l-imwiet tal-innoċenti, mhux talli tkellem imma għamel xi ħaġa li normalment il-Papiet ma kienux jagħmlu, jiġifieri li  hu tkellem b’mod ċar u b’appell dirett lil Trump. Il-Papa Ljun XIV kien dirett fir-risposti tiegħu. 

Kien mistenni, l-aktar bil-mod tal-politika li beda jħaddem Trump, li l-kunflitt mal-Vatikan, b’Papa Amerikan kien xi ħin jew ieħor se jfaqqa’. Li ma kienx mistenni kienu dawn l-insulti dispreġjattivi. F’dan kollu spikka l-Papa, li b’mod kalm għall-aħħar wassal il-messaġġ tiegħu. Messaġġ iffukat. Messaġġ favur l-umanità. Favur il-paċi.  Ovvjament il-kummenti meqjusin imma jaqtgħu tal-Papa komplew jiżolaw lil Trump, f’dan il-kunflitt illegali mibdi minnu. Kunflitt, li ma marx kif stenniet l-Istati Uniti u l-amministrazzjoni Trump. Dan għax kien kunflitt li ppjanaw li jdum erbat ijiem, iżda llum nafu li kien ilu għaddej aktar minn xahar, u nħoloq kaos sħiħ fil-kummerċ dinji. 

Wieħed jista’ jgħid li nħasad, u forsi lanqas seta’ jemmen li kien qed jaqra dawk l-insulti minn Trump u wara minn Vance. Akkużah li “dgħajjef fil-kriminalità”. Qallu li kien ‘terribbli għall-politika barranija”. Dawn l-insulti minn Trump saru wara li l-Papa sejjaħ għal  aktar umanità fil-politika tal-immigrazzjoni li kienet qiegħda tmexxi l-amministrazzjoni Trump. Il-President Amerikan ma waqafx hemm u ħareġ  bid-dikjarazzjoni li l-Papa kien favur li l-Iran ikollu armi nukleari. U l-attakki tiegħu komplew sigħat wara metą kiteb li “jista’ xi ħadd jgħid lill-Papa li l-Iran qatel mill-inqas 42,000 dimostrant innoċenti mhux armati, fl-aħħar xahrejn.”

Quddiem din l-intimidazzjoni u arroganza, il-Papa wera rieda soda.  Ta’ lezzjoni lid-dinja. Ma beżgħax minn dawk l-insulti u ddikjara li “ma nibżax la mill-amministrazzjoni Trump u lanqas li nitkellem b’leħen għoli dwar il-messaġġ fl-Evanġelju”. Wara fid-diskors tiegħu fiż-żjara f’pajjiżi Afrikani, kompla jagħfas fuq l-messaġġ tiegħu. Dan ġibed l-ammirazzjoni ta’ ħafna. 

Hu ċar li l-amministrazzjoni Trump ippruvat tintimida lill-Papa.  Biss ir-rispons tal-Papa juri li mhux skoraġġut mill-attakki tal-President u mhux se jitfixkel mill-isforzi tiegħu biex imexxi għall-paċi.

Wieħed irid jirrimarka li meta l-Papa  jitkellem, hu mhux qed jieħu naħa jew oħra. Hu jkun qed jindika l-liġi morali oġġettiva. 

Hu ċar li l-amministrazzjoni Trump ħasbet li bl-attakk fuq il-Papa Ljun, liema attakk imbagħad kompla mill-Viċi President Vance,  kienet se tintimidah u li forsi anke ddawwar Kattoliċi konservattivi kontrieh kif kien ġara mal-Papa Franġisku. Hu ċar imma li dak li ma kkalklatx l-amministrazzjoni Trump hu fatt li b’attakka fuq Papa Ljun Leo mhux bħal li tattakka lill-Papa Franġisku. Dan għax il-Kattoliċi konservattivi jirrispettaw ħafna lil Papa Ljun XIV. Dak li Trump u l-amministrazzjoni tiegħu assumew li kien se jidher qisu t-tilwim li kellhom mal-Papa Franġisku minflok ma rnexxiex. 

L-enfasi morali ta’ Papa Ljun  fuq il-paċi, is-servizz u t-tagħlim tal-Evanġelju hi f’linja ma’ firxa wiesgħa ta’ Kattoliċi, inklużi ħafna fuq il-lemin. L-awtorità morali tiegħu taqsam il-linji partiġġjani tradizzjonali, u huwa għalhekk li l-attakki fuqu huma intiżi biex jagħmlulu l-ħsara. 

Papa Ljun XIV wera li huwa aktar formidabbli minn Papa Franġisku, li l-attakki  tiegħu lejn l-Istati Uniti kienu faċli biex Trump jisfruttahom. Il-Papa Amerikan huwa kompletament kalm. Mhux se tarah jirrabja. Meqjus. 

Li hu żgur li minn dan għal darba oħra, it-tellief kien Trump. Wara kważi spiċċa idoqq irtirata u qal li mhux jiġġieled mal-Papa. M’hemmx dubju li qal dan minħabba reazzjonijiet negattivi minn madwar id-dinja kollha. Hu fatt li wara l-attakki, l-entużjażmu globali għall-Papa infirex sew. U min jaf, quddiem dak li seħħ u l-mod kif tratta l-każ il-poplu,  jista’ jkun li l-pass li jmiss ikun dak li l-Papa Ljun XIV, jiġi nominat għall-Premju Nobel għall-Paċi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport