Wednesday, December 25, 2024

L-INTERESS FIL-POLITIKA GĦADU HEMM?

Aqra wkoll

In-nuqqas ta’ interess fil-politika ilu jinħass f’pajjiżna. It-turnouts f’dawn l-aħħar elezzjonijiet meta kkumparat ma’ dawk tas-snin l-imgħoddija jirrifletti proprju dan. Minnu nnifsu dan iqajjem ċertu mistoqsijiet dwar kemm il-parteċipazzjoni f’dan l-eżerċizzju demokratiku għadha attraenti għall-ġenerazzjoni tal-lum, b’mod partikolari ma’ dik żagħżugħa.

Filwaqt li min-naħa nifhmu li turnouts bħal dawn jistgħu jsarrfu f’inqas partiġġjaniżmu madankollu jekk in-nuqqas ta’ interess fil-politika jkompli jiżdied, jista’ jagħti l-każ li jkun hemm inqas nies li jikkontestaw l-elezzjonijiet. Dan l-aħħar ħareġ ukoll stħarriġ tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà dwar “l-Istat tan-Nazzjon” li wera kif inqas nies qed iqisu il-politika bħala improtanti ħafna f’ħajjithom.

Barra minn hekk, kien hemm aktar nies li minn sena għall-oħra qalu li l-politika ma tinteressahom xejn. Riżultati li kif intqal jindikaw ukoll li aktar persuni qed jiddejqu jisimgħu bil-politika. Jista’ jkun illi ċertu lingwaġġ aggressiv qed iwassal biex ibiegħed lill-elettorat mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-politika.

U l-messaġġ li bagħat il-poplu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali għandu jingħata attenzjoni kbira b’mod partikolari miż-żewġ partiti ewlenin. Fil-fehma tagħna, il-politika hi l-aqwa mezz biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

U aħna nemmnu wkoll li s-sehem ta’ kulħadd huwa importanti, anke taż-żgħażagħ. Għalhekk, kull min għandu xi kontribut x’jagħti għandu jiġi mismugħ għaliex din il-konverġenza fl-ideat twassal biex ikollna pajjiż aħjar u li jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu.

F’dan l-isfond, nawguraw lill-kandidati kollha li ġew eletti fil-Kunsilli Lokali, fosthom dawk żgħażagħ illi lkoll kemm huma għandhom ħafna x’jikkontribwixxu fil-lokalitajiet tagħhom. Uħud minn dawn tal-aħħar laħqu saħansitra Sindki u Viċi Sindki.

Fuq kollox, il-poplu Malti u Għawdxi wera illi jaqbel li t-tmexxija tal-pajjiż għandha tkun f’idejn il-Partit Laburista. Dan għandu jwassal biex l-Oppożizzjoni tidħol f’qoxritha biex tara fejn u għalxiex mhix sejra tajjeb mal-elettorat. Bl-istess mod, il-Partit Laburista għandu jkompli jaħdem biex jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu mal-elettorat.

Ekonomija

Sport