Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li kienet deċiżjoni konxja u maħsuba li fost il-miżuri li jiġu ntrodotti fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura jkun hemm il-proġett pilota ta’ lezzjonijiet tal-għawm.
Waqt żjara fil-pixxina tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Prim Ministru iltaqa’ u tkellem mal-kowċis u l-amministratturi tal-iskejjel tal-għawm li joffru taħriġ lit-tfal. Dr Abela spjega li l-aċċess b’xejn għal-lezzjonijiet tal-għawm se jissarraf f’ħafna ġid sabiex minn età żgħira t-tfal jidraw stil ta’ ħajja sana u jitrawwmu b’valuri, dixxiplina u iktar indipendenza.
Il-Prim Ministru qal li l-isport se jibqa’ fuq nett tal-aġenda tal-ħidma tal-Gvern għaliex huwa ċar li iktar investiment fl-isport se jassigura iktar titjib fil-wellbeing tal-Maltin u l-Għawdxin. Żied jgħid li wara l-proġett pilota fil-Kottonera, dawn il-lezzjonijiet tal-għawm b’xejn għat-tfal se jkunu qed jinfirxu f’lokalitajiet oħra.
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru iltaqa’ wkoll mal-għaqda volontarja Just Keep Swimming. Din l-għaqda, immexxija mill-għalliema Leanne Xuereb Ungaro, toffri lezzjonijiet speċjalizzati għal tfal b’diżabilità.
Leanne Xuereb Ungaro qalet li b’dawn il-lezzjonijiet it-tfal irabbu iktar kunfidenza fihom infushom għax iħossuhom siguri. Spjegat li għat-tfal b’diżabilità, dawn il-lezzjonijiet jikkalmawhom u jkunu iktar iffukati wara, tant li qed tantiċipa li dan il-programm se jkun ta’ benefiċċju kbir għalihom minħabba li se ssir waqt il-ħin tal-iskola.
Dan il-programm se jkun qed jiġi amministrat minn Sport Malta, u se jiżdied ma’ inizjattiva oħra li kienet introdotta fix-xhur li għaddew tal-lezzjonijiet tal-għawm b’xejn għat-tfal bl-awtiżmu.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela waqt din iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.


