Wednesday, May 8, 2024

L-ISFIDI AMBJENTALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Nemmen li l-isfidi ambjentali li jitkellmu dwarhom b’daqstant ħerqa x-xjenzati mqabbda mill-Ġnus Magħquda huma urġenti daqskemm jgħidu li huma.

Naqbel mal-miżuri proposti ħalli nilqgħu għal dan il-gwaj li se jolqot lill-ġenerazzjonijiet futuri, imma li diġà qed jinħass mil-lum.

Naħseb li ħafna mill-miżuri li qed jiġu proposti fuq skala dinjija… mhux l-anqas mill-Unjoni Ewropea… huma meħtieġa u tal-akbar siwi. 

Biss, niddubita kemm qed isir biżżejjed biex il-ħtieġa ta’ dawn il-miżuri u l-impatti kollha tagħhom jitfissru bis-sħiħ u bla dawrien mal-lewża. Uħud minnhom mhumiex se jkunu jistgħu jitwettqu faċilment u bla ma jinħoloq diżgwid, jekk mhux agħar, fuq kif jgħixu l-popli. Għalhekk hemm bżonn ta’ spjegi onesti li jitwasslu bla xinxilli jew kantunieri. 

Il-problema hi li l-kompetizzjoni bejn il-partiti politiċi tippernja aktar u aktar fuq l-argument li xejn mhu se jkun isbaħ mill-futur. Tinħass diffiċli l-ħidma li biha irid jiġi mfisser kif biex naslu għal futur isbaħ, se jkollna nitgħabbew – żgur għall-bidu – b’aktar piżijiet.

***

IL-LETTERATURA ŻVALUTATA

Fhimt x’ried jgħid, imma m’inix konvint li għandu raġun. Ħabib jilmenta li l-letteratura sfat żvalutata. Mhux f’Malta biss, jinsisti, imma kullimkien. Forom oħra ta’ espressjoni artistika u kulturali, skont hu, jingħataw aktar importanza.

Bħal liema? saqsejtu.

Telqilha jitkellem dwar kif il-ħin kollu jittellgħu wirjiet tal-arti mogħtija spalla minn interessi privati u kif spettakli teatrali u xows tal-varjetà jingħataw kull spazju mill-midja. Waqt li l-letteratura tal-lum jew tal-bieraħ tingħata l-ġenb.

Biex inkunu ċari: dal-ħabib hu moħħu fil-letteratura. Il-forom l-oħra artistiċi ma tantx jinteressawh. Imbagħad lanqas għandu raġun dwar li l-midja tinjora l-letteratura: Ħares lejn il-ġurnali l-kbar Taljani, Tedeski, Ingliżi… Issib li l-paġni u s-supplimenti li jiddedikaw lill-kitba huma numerużi.

***

STRASBURGU JAGĦMEL SENS?

Bħala s-sede tal-Parlament Ewropew jew ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, le ma jagħmilx. Il-belt hi sabiħa u interessanti imma wisq maqtugħa fil-kumnikazzjonijiet li toffri mill-maġġor parti taż-żoni tal-Ewropa biex tista’ sservi tajjeb għal hekk. Meta fl-Unjoni Ewropea kien hemm biss sitt membri mill-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa, forsi setgħet tkun loġistikament u simbolikament idonea. Illum le.

Maġġoranza qawwija taħseb dan.

Il-President tal-Parlament Roberta Metsola stqarret li se tleħħen ix-xewqa tal-Parlament, u fil-kumpanija tal-President Macron ddikjarat li l-abort għandu jitqies bħala dritt tal-bniedem. Maġġoranza kbira fil-Parlament hekk taħseb. Imma ħaġa stramba, dwar Strasburgu, l-President Metsola stqarret li l-belt għandha tibqa’ s-sede tal-Parlament. Bla dubju, Macron ħa gost jismagħha. 

Dwar l-abort, il-Parlament m’għandu l-ebda kompetenza legali. Dwar is-sede tiegħu żgur li għandu vuċi.  Allura x’ġara?

Sport