It-Tnejn filgħodu l-Pulizija ta’ Malta, kienet infurmata li l-iskejjel tal-pajjiż kienu rċivew theddida ta’ bomba permezz ta’ email identika li ntbgħatet lill-iskejjel tal-Istat u kif ukoll lill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.
Minnufih bdew l-investigazzjonijiet mis-sezzjoni tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u bdiet ħidma konġunta bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Ministeru għall-Edukazzjoni biex tkun assigurata s-sigurtà ta’ kull persuna f’dawn l-iskejjel.
Wara li sar l-assessjar u l-konsultazzjoni mal-Forzi tal-Ordni u l-awtoritajiet rispettivi, ġie determinat li t-theddida ma kinitx speċifika. Madanakollu, ittieħdu l-azzjonijiet kollha neċċessarji biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-istudenti u tal-istaff. L-iskejjel eventwalment komplew bil-lezzjonijiet. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ser ikompli jsegwi s-sitwazzjoni filwaqt li l-Forzi tal-Ordni ser ikomplu għaddejjin bl-investigazzjonijiet.
Dalgħodu: Staff u studenti evakwati mill-Giovanni Curmi Higher Secondary School u mill-Iskola tan-Naxxar minħabba theddid ta’ bomba
Erba’ t’iskejjel, fosthom il-Giovanni Curmi Higher Secondary School evakwaw l-istudenti u l-istasff kollu barra l-binjiet tal-iskejjel. Dan wara li ftit qabel it-8:00 a.m, ta’ dalgħodu daħlu numru ta’ theddid ta’ bomba fi skejjel differenti.
Kien kelliem għall-Pulizija li kkonferma dan mas-sit tagħna Talk.mt, fejn spjegalna li bħalissa għaddejja ħidma u operazzjoni min-naħa tal-Explosives Ordnance Disposal flimkien mal-Pulizija.
Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej…