Friday, December 27, 2024

L-istabilità

Aqra wkoll

L-istabilità hi xi ħaġa mfittxija minn ħafna nies fosthom il-familji u l-produtturi. Min-naħa tal-produtturi, din tgħin għaliex b’hekk huma jkunu jistgħu jgħidu kif ser ikunu l-prezzijiet fil-futur. Sezzjoni importanti oħra hi l-familja. Il-maġġoranza kbira tal-familji jagħrfu l-bżonn ta’ stabilita’ għaliex b’hekk ikunu jistgħu jippjanaw għall-futur b’mod aktar ċert u mingħajr ħafna taħbit. Il-familji jippreferu li jużaw l-ħin tagħhom biex jieħdu ħsieb kif ser jiżviluppaw il-familja milli jaħlu l-ħin imħassba jekk bil-flus li għandhom għadx ikollhom biżżejjed biex jibqgħu jżommu il-livell tal-għixien li kisbu.

Kien għalhekk li kien pass ‘il quddiem meta l-gvern preżenti rnexxielu jiftihem mal-importaturi biex jistabilixxu l-prezzijiet ta’ mijiet ta’ prodotti tal-ikel għal disa’ xhur sħaħ. Mhux biss irnexxielu jistabilixxi dawk il-prezzijiet iżda kabbar il-kompetizzjoni peress li oħrajn qed jaraw kif jistgħu jnaqqsu l-prezzijiet tagħhom biex ikunu jistgħu jikkompetu.

Imma dan il-pass, bħal kull pass ieħor, iġib il-kritika mingħand min ma tistennihiex. Il-kritika ġiet min-naħa ta’ dawk li jirrappreżentaw l-kummerċ iż-żgħir għax qalu li l-Gvern m’għandux jindaħal fis-swieq.

Stramba, għaliex din il-kritika ġejja minn sezzjoni li ħafna minnhom salvaw għaliex il-Gvern intervjena fis-suq billi għenhom meta ż-żminijiet kienu diffiċli ħafna bħal Covid-19.

Imma dan għalihom dakinhar ma kienx indħil tal-gvern fis-swieq għaliex kienu huma li gawdew. Imma issa la ser igawdu l-konsumaturi sew bl-istabilità ta’ numru ta’ prezzijiet u ta’ żieda fil-kompetizzjoni, dan sar indħil li ma kellux isir!

Wied il-Għajn

Dan l-aħħar qrajt li l-Awtorita’ tal-Ippjanar kienet qed tikkunsidra li f’Wied il-Għajn ikun hemm żewġ supermarkets u lukanda. Dan ġie kkritikat minn kandidat li bi ħsiebu joħroġ għall-elezzjoni tal-Kunsill. Ir-raġuni li ġab kienet li dan hu żvilupp li qed ikisser in-natura tal-ibliet u l-villaġġi tagħna.

Barra ċ-ċentru antik, Il-bqija ta’ Wied il-Għajn illum hu kollu modern. Saret komuni li nikkritikaw żvilupp ġdid imma ninsew li fejn qed noqogħdu aħna kien ukoll biddel in-natura tal-post. Fil-każ ta’ Wied il-Għajn neħħejna l-għelieqi biex nibnu djar. Imma la aħna gawdejna minn din il-bidla, ma jimpurtax. Jimporta biss jekk tinvolvi lil ħaddieħor.

Wied il-Għajn għandu bżonn supermarkets? Jien nemmen li hemm bżonn minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel ħaġa, illum Wied il-Għajn kiber sew, imma ftit hemm ħwienet, u t-tieni jekk tara il-prezzijiet tal-ħwienet żgħar li hemm, dawn huma kollha għoljin. Dan ħlief għal dawk li jagħmlu parti minn kumpanija akbar li huma ftit. Għalhekk li għandna bżonn ta’ supermarkets. U li jkollna tnejn aħjar għax ikun hemm kompetizzjoni.

Eż. Fil-Mosta ser jiftah supermarket Eurospin viċin tal-L-lidl. Għax se jiftah supermarket ħdejh kull gimgħa qed jagħmel numru ta’ prodotti bi prezz orħos li jinxtraw mil-Lidl tal-Mosta biss.

Barra minhekk li Wied il-Għajn ikollu lukanda jagħti aktar ħajja lil dan il-post. Dan bħal ma kienet tat il-lukanda Jerma meta kienet qed topera.

Ma jfissirx li l-iżvilupp għandu jsir bl-addoċċ. Għandna nagħtu kas sew in-natura tal-post u sew l-ambjent imma hu importanti wkoll li nkomplu niżviluppaw.

Ekonomija

Sport