Wednesday, April 22, 2026

‘L-istaġun kien wieħed tajjeb ħafna għal Qormi Daikin HC fejn dak kollu li stinkajna għalih sarrafnieh fir-rebħ tal-Kampjonat’ – Juan Sarcia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?

L-imħabba tiegħi lejn il-hockey bdiet proprju 24 sena ilu mill-iSkola Primarja fejn iltqajt ma’ dan l-isport. Kont inżilt darba l-klabb ta’ Ħal Qormi u minn hemm laqtitni l-logħba partikolari tal-hockey. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-aħħar Kampjonat minn Qormi Daikin HC?

L-istaġun kien wieħed tajjeb ħafna għal Qormi fejn dak kollu li stinkajna għalih tul l-istaġun sarrafnieh fir-rebħ tal-Kampjonat. Baqagħlna iktar għalxiex inħarsu għax imissna nikkompetu fin-Knock-Out u warajh irridu inkunu ppreparati għall- ogħla livell li qatt il-hockey Malti ikkompeta – il-Euro Hockey Challange Division 1.

Se tkun sfida kbira kemm għal Qormi kif ukoll għall-hockey Malti, peró ninsab fiċ-ċert li kemm jien u sħabi ħa nagħtu qalbna sabiex niksbu suċċess anke f’dan il-livell.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Ksibt bosta suċċessi kemm lokali u anke dawk internazzjonali f’bosta pajjiżi kif ukoll f’kompetizjonijiet tal-Euro Hockey Challenges. 

Dawk huma ftit mill-isbaħ mumenti ta’ ħajti fejn tagħmel lil Malta onorata b’suċċess importanti bħall-Euro.

Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-hockey f’pajjiżna hu wieħed għoli u nemmen li bi ftit iktar għajnuna finanzjarja u anke iktar ħidma biex inħajru diversi nies jiġu jaraw il-logħba tal- hockey, il-livell ikompli jitla’ speċjalment mill-juniors fejn huma jridu jkomplu dan is-suċċess sabiħ. 

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Sfortunatament, il-mentalitá tal-isport Maltija għadha mhux professjonali biżżejjed speċjalment fejn jidħlu ħin biex l-isport jiġi pprattikat. Bi sforż kultant ikollok tagħżel il-karriera tax-xogħol u titlef jew tnaqqas il-karriera tal-isport. 

Bi ftit iktar għajnuna lill-isport nemmen li Malta għandha fejn tikseb iktar suċċess u tagħmel iktar preżenza f’iktar kompetizzjonijiet internazzjonali. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?

Il-futur tiegħi fil-hockey nemmen li mhux ħa jieqaf għax nikber. Nixtieq li nkompli bl-esperjenza tiegħi billi anke noffri s-servizzi tiegħi bħala kowċ meta jkun wasal iż-żmien li nieqaf bħala plejer. Sadanittant nibqa’ naħdem flimkien mat-tim sabiħ li nilgħab miegħu ħa niksbu iktar suċċessi flimkien! 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-hockey.

Inħeġġeġ bis-sħiħ lil dawk kollha li ma jafux din il-logħba sabiex jippruvawha għaliex din hija logħba partikolari li ma’ darba li tippruvaha, wieħed jorbot qalbu magħha u jkun irid jiskopri dejjem iktar dan l-isport tant sabiħ!

Il-hockey hu sport ta’ dixxiplina u maturitá anke mentalment, kif ukoll għandek opportunitajiet li ma tikbirx biss lokalment imma anke fix-xena internazzjonali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport