Saturday, December 21, 2024

L-istatistika tal-inċidenti fuq ix-xogħol trid tkun ibbażata fuq perjodu twil ta’ żmien

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-analiżi ta’ kemm isiru inċidenti fuq il-post tax-xogħol, fatali u mhux, tiġi kkalulkata fuq żewġ aspetti. L-ewwel fuq kull 100,000 persuna u t-tieni fuq perjodu twil ta’ żmien. Dan isir biex l-istatistika tkun aktar ta’ min wieħed joqgħod fuqha. Madankollu, huwa fatt li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm inqas inċidenti fuq ix-xogħol milli kien hemm fl-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Dwar l-istatistika li ħarġet it-Tnejn li għadda mill-NSO, Talk.mt ħa l-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol Dr Mark Gauci li qal li n-numri ma jfissru xejn jekk ma jkunux ibbażati fuq analiżi li ssir fit-tul.

“Ma tistax tħares lejn sitt xhur, sena waħda jew sentejn imma trid tarahom fuq perjodu itwal,” qal Dr Gauci. “Biex wieħed janalizza dawn il-figuri jrid jikkonsidra r-rati, jiġifieri n-numru ta’ inċidenti, fatalitajiet jew korrimenti kull 100,000 ħaddiem. Dan l-OHSA ilha tgħidu snin twal.”

Huwa kompla jispjega li l-OHSA ma tagħmilx spezzjonijiet fl-industrija tal-kostruzzjoni biss, imma fis-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż il-manifattura. Qal li l-uffiċjali għandhom il-poter li jidħlu f’kull post tax-xogħol fejn jidhrilhom li jista’ jkun hemm xi forma ta’ perikli.

Fejn isibu reżistenza, dawn jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-pulizija, dritt li ttihulhom il-liġi stess. F’dawn l-aħħar 10 snin kien hemm biss sitt każijiet simili, għax il-bqija il-maġġoranza assoluta ta’ min iħaddem jikkoperaw magħhom.

Fir-rigward tar-riforma li għaddejja bħalissa fl-OHSA, Dr Gauci qal li dan huwa proċess twil u li ilu għaddej kważi sena. Fil-kors ta’ dan kien hemm rispons tajjeb ħafna u l-proċess mistenni li jwassal għal tisħiħ fil-mod ta’ kif inħarsu lejn is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Ekonomija

Sport