Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) ffinalizzat proġett ko-finanzjat mill-UE ”Empowerment for Diversity” (E4D) biex issaħħaħ l-ugwaljanza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess.
Din il-Konferenza Finali serviet ta’ opportunità sabiex jiġu ppreżentati r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tax-xogħol li sar fuq perjodu ta’ sentejn li kellu l-għan li jindirizza l-impatti soċjetali u kulturali wara li seħħew avvanzi leġiżlattivi sinifikanti li saħħew id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, stqarret li l-emendi leġiżlattivi li saru matul is-snin, li jistabbilixxu qafas leġiżlattiv b’saħħtu dwar l-ugwaljanza, kellhom impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ diversi membri tal-komunità LGBTIQ+.
Semmiet li l-Gvern qiegħed jaħdem biex jikkonsolida l-mekkaniżmi istituzzjonali dwar l-ugwaljanza permezz ta’ dispożizzjonijiet legali ġodda li jsaħħu l-mandat tal-NCPE għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza inkluż id-dritt għal trattament ugwali u n-non-diskriminazzjoni fis-soċjetà Maltija.
Il-Kummissarju tal-NCPE Renee Laiviera enfasizzat li minkejja l-progress, persuni fil-komunità LGBTIQ+ għadhom isofru d-diskriminazzjoni. Fil-fatt, bħala parti minn dan il-proġett, l-NCPE wettqet studju ta’ riċerka biex tanalizza l-esperjenzi ta’ trattamenti differenti u d-diskriminazzjoni mġarrba minn persuni li jiddentifikaw bħala persuni LGBTIQ+ f’diversi setturi tal-ħajja, bħall-edukazzjoni, ix-xogħol, u fl-aċċess għal u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi.
Dan l-istudju fittex ukoll li jwettaq analiżi komparattiva ma’ studju kwalitattiv li sar mill-NCPE fl-2011, ‘LGBT Discrimination Research Report’. Filwaqt li dan l-istudju jirrapporta riżultati pożittivi li joħorġu mill-bidliet fil-politika u l-leġiżlazzjoni, bħal per eżempju meta n-nies ikunu aktar konxji tad-drittijiet tagħhom, u jħossuhom aktar ‘aċċettati’ u b’hekk ‘aktar sikuri’ biex ikunu miftuħa dwar l-identifikazzjoni tal-ġeneru jew is-sesswalità tagħhom, l-istudju juri li l-istigma u l-preġudizzju, li jiffaċċjaw persuni LGBTIQ+, għadhom preżenti fis-soċjetà Maltija.
Dan huwa ta’ tħassib u l-NCPE qed tkompli taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+. L-NCPE għandha s-setgħa bis-saħħa tal-Kapitolu 456 tal-Liġijiet ta’ Malta biex tinvestiga ilmenti ta’ allegat ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali fl-impjieg, fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fil-banek u fl-istituzzjonijiet finanzjarji.