Wednesday, March 27, 2024

Ippubblikati t-termini tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar

Aqra wkoll

Il-Gvern ftit sigħat wara li nqatlet Bernice Cassar ħabbar li kien qiegħed jaħtar inkjesta. Fil-fatt illum stess fil-Parlament il-Gvern poġġa fuq il-medja tal-kamra tad-deputati t-termini tal-inkjesta biex tistabilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-qtil.

Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri kif ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard talbu lill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia janalizza r-rapporti li setgħu saru mill-vittma dwar reati ta’ vjolenza domestika, kif ukoll il-kawżi kollha li kellhom bejnithom (il-vittma u l-allegat aggressur). Huma talbu wkoll biex jeżamina jekk l-awtoritajiet kinux jafu jew kellhomx ikunu jafu li Bernice Cassar kienet esposta għal periklu anke fuq ħajjitha.

L-inkjesta għandha teżamina wkoll jekk f’dan il-każ kienx hemm xi nuqqasijiet fit-tħaddim tal-qafas legali dwar il-vjolenza domestika, kemm jekk minħabba ineffiċjenzi tas-sistemi kif ukoll minħabba negliġenza minn persuni inkarigati. It-termini tal-inkjesta jgħidu li f’każ li jiġu indentifikati xi nuqqasijiet, l-Imħallef Valenzia għandu jislet il-konklużjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib fis-sistemi u anke l-azzjoni fil-konfront ta’ xi persuni li jista’ jidher li għandhom jirrispondu għal xi nuqqasijiet.

Ir-rapport tal-inkjesta għandu jiġi ppreżentat lill-Gvern sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru.

Ekonomija

Sport