Is-suq Taljan żamm postu bħala l-aktar wieħed importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif kien responsabbli għal 20.8 fil-mija tal-507,574 moviment tal-passiġġiera rreġistrati matul l-ewwel xahar tal-2025.
Filwaqt li r-Renju Unit segwa fit-tieni post (13.9 fil-mija tat-traffiku), is-suq Pollakk qabeż dak Ġermaniż għat-tielet xahar konsekuttiv u sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti.
Fil-fatt, il-vjaġġi minn u lejn il-Polonja kienu responsabbli għal 13.2 fil-mija tat-traffiku tal-passiġġiera. Dan kien riżultat ta’ aktar titjiriet minn u lejn ajruporti Pollakki operati minn Ryanair u Wizz Air, kif ukoll tal-estensjoni tar-rotta diretta lejn Katowice operata minn Ryanair, li ġiet imnedija fis-sajf tal-2024, għall-istaġun tax-xitwa.
Il-Ġermanja u Spanja sabu posthom fir-raba’ u l-ħames post fil-lista tal-aktar swieq importanti. Dawn kienu responsabbli għal 7.0 fil-mija u 6.0 fil-mija tat-traffiku tal-passiġġiera, rispettivament.
Il-movimenti tal-passiġġiera f’Jannar żdiedu b’9.0 fil-mija fuq dawk irreġistrati fl-istess xahar fl-2024. L-aktar jum impenjattiv kien l-4 ta’ Jannar, meta waslu u telqu mill-ajruport 167 titjira b’27,000 passiġġier li kienu qed iħallu jew jirritornaw Malta wara żmien il-festi.
Minkejja żieda ta’ 9.3% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, is-seat load factor baqa’ fl-istess livelli milħuqa fl-2024, biex irreġistra tnaqqis marġinali ta’ 0.2 punti perċentwali, għal 73.8 fil-mija.