Sunday, December 22, 2024

L-IŻRAEL U TA’ KONTRA

Aqra wkoll

Meta jien kont tifel, il-konflitt tal-Palestina kien diġà għaddej. Qatt ma waqaf. F’dawk is-snin, is-simpatija kbira tal-popli Ewropej, mhux l-anqas f’Malta, kienet mal-Iżraeljani. Kienu jitqiesu bħala poplu żgħir li qed jiġu mhedded minn popli ħafna akbar u aqwa minnu u qed jirnexxielu jibqa’ rebbieħ. It-tifkira tal-ġenoċidju li n-Nażi tellqu kontra l-Lhud matul it-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha friska.

Matul is-snin, dis-simpatija naqset u dbielet. Il-kawża tal-poplu Palestinjan li tilef artu biex Iżrael titwaqqaf u tespandi sabet aktar nies li għarfuha u qisuha bħala waħda ġusta. Qatt ma fhimt li dil-bidla kienet misjuqa minn sentiment anti-semita. Meta kont nitkellem ma’ rappreżentanti ta’ Iżrael, kont insemmi kemm tilfu mill-appoġġ internazjonali fost il-popli bħala fattur li jridu jqisu sew.

Fl-aħħar xhur ġraw fatti straordinarji. Seħħ l-attakk tal-waħx mill-Ħamas kontra Iżrael. Bir-raġun, mal-popli tad-dinja faret mewġa qawwija ta’ simpatija lejn l-Iżraeljani.

Seba’ xhur wara, dil-mewġa mietet kważi għal kollox. Protesti kbar faru ma’ ħafna nħawi tad-dinja kontra l-ħidma ta’ gwerra Iżraeljana fl-aħħar xhur. Il-mexxejja ta’ Iżrael jagħmlu ħażin li njoraw għal kollox il-fehma ta’ ħaddieħor.

NUKLEARI

Erġajna smajna fl-aħħar xhur it-tbeżbiżiet nukleari. Fi żmien il-konfront bejn l-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti, dawn kienu ġew kanalizzati fis-sistema ta’ sigurtà msejħa MAD – Mutual Assured Destruction. Peress li ż-żewġ naħat setgħu fl-istess ħin jattakkaw lil xulxin b’armi nukleari qerrieda u jiżguraw li jeqirdu lil xulxin, it-tnejn kienu se jiskartaw din l-għażla miġnuna. Kellhom isibu kompromess li t-tnejn setgħu jgħixu bih.

F’dal-qafas ħolqu struttura ta’ ftehimiet li żguraw li l-qerda ma sseħħx.

Matul is-snin din l-istruttura ġiet żmantellata. Illum, m’hemm l-ebda MAD li tista’ tilqa’ għall-ġenn ta’ attakk nukleari minn naħa jew minn oħra… ħlief is-sens komun ta’ dawk li jmexxu l-potenzi nukleari.

IS-SISTEMA ĠUDIZJARJA

Minn banda, tajjeb li s-sistema ġudizjarja tkun proattiva fil-ħidma meħtieġa biex il-kriminalità fil-qadi tad-dmirijiet politiċi u amministrattivi titrażżan. Dil-ħidma trid titwettaq b’sens ta’ koerenza, kontinwità u fuq kollox ta’ ġustizzja.

Madankollu, il-proċessi jridu jsiru b’mod trasparenti. M’għandu jitħalla l-ebda spazju għal “żbalji” ta’ proċedura u oħrajn li jwaddbu dell fuq naħa jew oħra. Dak li hemm x’jintqal u jiġi preżentat irid isir bla maniġġi. Responsabbiltà kbira għal min hu inkarigat mit-tmexxija ġudizjarja hi li tiġi assigurata tkomplija fil-ħin u bla dewmien tal-istadji kollha tal-proċess. B’hekk għandu jiġi assigurat li l-ġustizzja tassew issir. Mhux min hu innoċenti jinżamm fil-purgatorju u min hu ħati jibqa’ xxamplat.

Ekonomija

Sport