Id-drawwa ta’ min ibigħ ċedoli ta’ investiment f’kumpaniji jew b’self lilhom hi li jiftaħar b’kemm sal-mument li qed ibigħ, is-sehem fil-kumpaniji konċernati kien irendi bil-kbir. Imbagħad fl-aħħar ifakkar bil-għaġla kif dak li ġara fl-imgħoddi mhux bilfors jirrepeti ruħu għal li ġej.
X’ġara fil-passat jagħti sinjal, jew le, dwar x’se jiġri fil-futur? Ċertament joffri mod kif tqis is-siwi tal-pass li tieħu meta ssir parti minn impriża ta’ kwalunkwe tip. Jekk sa issa marret tajjeb jew ħażin, dan joffri spunt biex “minn barra” wieħed iqis x’jista jiġri wara li jkun impenja ruħu fil-biċċa. B’mod jew ieħor, l-istess tip ta’ kalkolu jsir f’kull proġett li persuna tidħol għalih, mhux biss il-finanzjarju – minn sportiv għal politiku għal reliġjuż.
M’hemmx mod aħjar kif tipprova tinnaviga l-futur jekk mhux bil-kumpass tal-passat. Imma trid tuża dal-kumpass b’mod kreattiv, mhux għami.
AĦBARIJIET
Għal ħafna nies, il-mezzi soċjali tal-kumnikazzjoni qed jirnexxilhom isiru l-aqwa sors ta’ aħbarijiet dwar xinhu jiġri madwarhom… jekk mhux l-uniku wieħed. F’ċerti każi dan qed ifisser li xi aħbarijiet jaslu għand iċ-ċittadini aktar malajr. U dwar ġrajjiet imċajpra fejn fil-medja tradizzjonali, ma jistax jintqal kollox fil-miftuħ, il-mezzi soċjali dan jagħmluh.
Il-problema fil-mezzi soċjali qed tkun li għax ftit li xejn hemm xi jrażżanhom, ta’ spiss ma ssirx firda bejn xinhu veru u x’mhuwiex, bejn xinhu opinjoni, spekulazzjoni jew fatt. Is-soluzzjonijiet li ddaħħlu jew qed jiġu proposti dwar dan ftit huma sodisfaċenti. Jintqal li aħjar ikollna lilhom milli xejn.
SANZJONIJIET
Kemm ilha għaddejja l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna smajna ħafna dwar is-sanzjonijiet li l-Ewropej u oħrajn japplikaw kontra r-Russja biex jagħmlu pressjoni fuqha ħalli ttemm il-gwerra. Ftit jissemmew is-sanzjonijiet li min-naħa tagħhom ir-Russi jsostnu kontra dawk li qed jappoġġjaw lill-Ukrajna.
Jeżistu u mhumiex ċkejkna. Jinkludu miżuri fl-oqsma tal-finanzi, tal-biedja, tal-propjetà intellettwali u tal-viżas għall-ivvjaġġar fir-Russja. Assi u azjendi Ewropej fir-Russja tpoġġew taħt tmexxija statali Russa. Propjetà intelletwali qed tintuża bla ma jsiru ħlasijiet lil min huma dovuti. Jeżisti embargo totali fuq l-importazzjoni ta’ prodotti tal-biedja mill-Ewropa. L-ivvjaġġar mill-Ewropa lejn ir-Russja sar diffiċli ħafna, kważi impossibbli.
Bla dubju, s-sanzjonijiet imposti mill-Ewropej fuq ir-Russja huma aktar estensivi u qed ikomplu jitwessgħu. Imma sa issa la s-sanzjonijiet ta’ naħa u l-anqas ta’ oħra ma jidher li qed ikollhom xi effett fuq kif qed titmexxa l-gwerra. Xorta waħda, meta u jekk xi darba jintlaħaq ftehim aħħari mhux se tkun ħaġa ħafifa treġġa’ lura l-effetti tas-sanzjonijiet.




