Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield żar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), fejn iltaqa’ mad-Direttur Eżekuttiv Nina Gregori u membri tat-tmexxija għolja tal-Aġenzija.
Il-laqgħa ffukat fuq il-kooperazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-EUAA, il-kollaborazzjoni kontinwa fil-qasam tal-ażil, kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Il-Ministru Bedingfield irringrazzja lill-Aġenzija għall-appoġġ kontinwu li tat lil Malta matul is-snin, filwaqt li ddeskriva lill-EUAA bħala sieħeb ta’ fiduċja li kellu rwol ewlieni fit-tisħiħ tas-sistema tal-ażil tal-pajjiż.
“Malta tagħti valur kbir lis-sħubija fit-tul tagħha mal-EUAA. Permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib, bnejna sistema tal-migrazzjoni u tal-ażil li hija aktar effiċjenti, aktar reżiljenti u aktar ippreparata biex tindirizza l-isfidi tal-futur,” qal il-Ministru.
Il-Ministru laqa’ wkoll l-appoġġ operattiv u tekniku kontinwu tal-Aġenzija, b’mod partikolari fil-qasam tar-rilokazzjoni, is-servizzi ta’ interpretazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċità u t-taħriġ.
Huwa nnota l-progress sinifikanti li għamlet Malta f’dawn l-aħħar snin, fosthom tnaqqis ta’ 93% fil-wasliet irregolari meta mqabbel mal-2019, kif ukoll tnaqqis sostanzjali fl-applikazzjonijiet għall-ażil pendenti.
“Dawn ir-riżultati juru li politika dwar l-immigrazzjoni bbilanċjati, ġusti u konsistenti jagħtu l-frott. Filwaqt li nibqgħu viġilanti minħabba r-realtajiet ġeografiċi ta’ Malta, nibqgħu impenjati li nkomplu nsaħħu s-sistemi tagħna skont l-interessi nazzjonali u l-obbligi Ewropej,” żied jgħid il-Ministru Bedingfield.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, bil-Ministru Bedingfield jisħaq dwar l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem mill-qrib mal-EUAA fl-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew il-ġdid.
Il-Ministru laqa’ wkoll it-twaqqif tal-EUAA Academy f’Malta, filwaqt li nnota li din se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ għarfien u kompetenzi speċjalizzati fil-qasam tal-ażil u l-akkoljenza, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-istandards professjonali madwar l-Ewropa.
