Il-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Marek Mora, żar il-Malta Development Bank għal taħditiet maċ-Chairperson Leo Brincat u l-Kap Eżekuttiv Alison Micallef. Iż-żewġ naħat esprimew rieda komuni biex il-finanzjament Ewropew isarraf f’investiment reali u f’opportunitajiet ekonomiċi għal Malta.
Il-Malta Development Bank (MDB) laqa’ lill-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB), Marek Mora, għal taħditiet dwar kif il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tista’ twassal għal investiment aktar konkret f’Malta.
Fil-laqgħa maċ-Chairperson tal-MDB, Leo Brincat, u mal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Alison Micallef, iż-żewġ naħat qablu li s-sħubija tagħhom miexja f’direzzjoni aktar prattika, iffokata fuq l-użu tal-fondi u l-firxa tagħhom, flimkien ma’ riżultati li jinħassu fil-ħajja ta’ kuljum.
Id-diskussjonijiet iffokaw fuq kif l-MDB u l-EIB jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib biex il-finanzjament jintuża f’oqsma ta’ prijorità, inkluż appoġġ għal investiment sostenibbli, tisħiħ tas-setturi produttivi, u żvilupp ta’ proġetti li jagħtu valur fit-tul lin-negozji u liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u li jtejbu l-infrastruttura.
Iċ-Chairperson tal-MDB Leo Brincat qal li: “Malta Development Bank jinsab pożizzjonat biex ibiddel l-ambizzjonijiet nazzjonali f’riżultati konkreti. Is-saħħa tas-sħubija bejn l-MDB u l-EIB ma tidhirx biss fil-qafas li noħolqu, iżda f’kemm inwettquh b’mod effettiv. Ir-rwol tagħna hu li nbiddlu l-finanzjament Ewropew fi proġetti li n-nies jistgħu jaraw u jħossu: enerġija aktar nadifa, infrastruttura aktar b’saħħitha, u opportunitajiet reali għaż-żgħażagħ u n-negozji.”
Stħarriġ tal-EIB dwar l-investiment f’Malta fl-2025 juri li ħafna negozji żgħar kibru l-aktar bir-riżorsi tagħhom stess. Dan ifisser li numru sostanzjali ta’ negozji jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aħjar għal finanzjament estern. L-iskemi ta’ garanzija tal-MDB, appoġġati mill-Fond Ewropew tal-Investiment (parti mill-Grupp tal-EIB), huma maħsuba biex jilħqu dawn in-negozji, jagħmlu l-finanzjament aktar aċċessibbli u jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku.
Dan ix-xogħol diġà qiegħed jitwettaq. Aktar minn €10 miljun f’garanziji attivi ġew allokati permezz tal-iskemi ewlenin tal-MDB. Barra minn hekk, qed jiġu żviluppati strumenti ġodda għal kumpaniji ta’ daqs medju. Fl-istess ħin, faċilità dwar l-Azzjoni Klimatika bejn l-MDB u l-EIB daħlet fil-fażi operattiva tagħha, bl-ewwel proġetti approvati u bil-finanzjament Ewropew għall-klima jibda jħalli effett fl-ekonomija Maltija.
L-MDB u l-EIB identifikaw l-enerġija nadifa, is-sostenibbiltà ambjentali, l-infrastruttura, l-innovazzjoni u l-ekonomija blu bħala setturi kruċjali fil-fażi li jmiss tal- kollaborazzjoni tagħhom. Dawn l-oqsma jirriflettu kemm il-prijoritajiet nazzjonali, kif ukoll l-għanijiet tal-politika Ewropea. Snin ta’ kooperazzjoni permezz taċ-Ċentru Konsultattiv Ewropew għall-Investiment u l-programm Green Gateway tal-EIB għenu lill-MDB jibni l-kapaċità biex jidentifika, jivvaluta u jiżviluppa investiment f’dawn is-setturi. Issa dan il-pipeline huwa lest biex jitħaddem.
Alison Micallef, Kap Eżekuttiv tal-MDB qalet: “L-investiment Ewropew huwa l-aktar effettiv meta jkun marbut ma’ dak li pajjiż ikun verament lest li jikseb. Malta għandha ambizzjonijiet kbar għall-ġejjieni. Xogħolna issa hu li niżguraw li l-finanzjament jasal fejn hemm bżonn. M’aħniex inkejlu s-suċċess bil-faċilitajiet iffirmati jew il-prinċipji miftiehma biss. Qed inkejluh b’negozji li jikbru, b’infrastruttura li tinbena, u b’żgħażagħ li jsibu opportunitajiet f’Malta u Għawdex stess.”
Wara aktar minn ħames deċennji ta’ involviment ta’ Malta mal-EIB, iż-żewġ istituzzjonijiet ikkonkludew id-diskussjonijiet b’impenn komuni: li l-istrumenti eżistenti u futuri jintużaw b’mod attiv, li l-implimentazzjoni ssir b’dixxiplina, u li r-riżultati jinħassu fejn huma l-aktar impo rtanti.
Marek Mora, Viċi President tal-EIB, tenna li: “Kooperazzjoni b’saħħitha ma’ banek promozzjonali nazzjonali bħall-MDB hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima u l-kompetittività tal-Ewropa. Flimkien, nistgħu nimmobilizzaw il-finanzjament b’mod aktar effettiv, nappoġġjaw lill-SMEs u nħaffu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u reżiljenti.”


