Wednesday, April 24, 2024

L-MFA tesprimi d-diżappunt u n-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-deċiżjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa

Aqra wkoll

L-MFA esprimiet d-diżappunt u n-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-deċiżjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li ma tinkludix avvenimenti sportivi fil-beraħ fost id-diversi attivitajiet li ma jibqgħux jeħtieġu li dawk li attendew jippreżentaw ċertifikat tat-tilqim għad-dħul.

It-tħabbira tal-Ministru tas-Saħħa Dr Chris Fearne nhar it-Tlieta li ċ-ċertifikati tat-tilqim mhux se jibqgħu obbligatorji għad-dħul f’diversi postijiet ta’ catering u divertiment kienet ta’ diżappunt għall-isport Malti hekk kif avvenimenti sportivi fil-beraħ ġew esklużi b’mod sorprendenti minn din il-lista.

Din id-deċiżjoni reġgħet qajmet mistoqsijiet dwar il-kriterji użati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jitneħħa l-ħtieġa ta’ tilqim għal avvenimenti li jsiru f’diversi postijiet magħluqa filwaqt li, min-naħa l-oħra, tiġi infurzata din il-miżura għall-attivitajiet sportivi fil-beraħ.

Din hija daqqa ta’ ħarta oħra għall-assoċjazzjonijiet sportivi, l-atleti, il-coaches, l-uffiċjali tal-logħob, il-voluntiera, il-partitarji u dawk kollha involuti fl-isport lokali hekk kif l-isforzi bla waqfien ta’ dawn kollha biex jindirizzaw id-diffikultajiet u r-riperkussjonijiet finanzjarji kontinwi kkawżati mill-Covid-19 qed ikunu kontinwament imfixkla minn miżuri inkoerenti.

Barra minn hekk, dawn l-inkonsistenzi ħolqu perċezzjoni li l-booster issa huwa meħtieġ biss minn persuni li jattendu avvenimenti sportivi peress li t-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għal għadd ta’ avvenimenti oħra.

Filwaqt li ħeġġet lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra din id-deċiżjoni, l-MFA qed tappella biex l-isport jiġi ttrattat b’mod ġust u ugwali.

Din id-dikjarazzjoni kienet appoġġjata mill-Malta Football Players Association (MFPA), il-Malta Football Coaches Association (MFCA), il-Malta Football Referees Association (MFRA) u l-Malta Professional Football Clubs Association (MPFCA).

Sport