Sunday, November 24, 2024

L-MUMN tilqa’ d-deċiżjoni tal-Ministeru tas-Saħħa dwar it-tijib fis-servizzi tal-Emerġenza

Aqra wkoll

L-MUMN tilqa’ d-deċiżjoni Ministerjali tas-Saħħa dwar it-titjib fis-servizz tal-emerġenza. Dan peress li din hija waħda mill-aħjar għażliet biex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija fis-servizz tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei.

Dan qalitu l-MUMN fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li ħabbar il-Ministru tas-Saħħa l-ġimgħa li għaddiet, fejn se jkunu qed jiġu involutil-imsieħba soċjali u s-settur privat biex in-nies ikunu jistgħu jinqdew minn sptarijiet privati filwaqt li jħallas il-Gvern u b’hekk tkompli tonqos il-pressjoni fuq Mater Dei.

L-MUMN qalet ukoll li l-benefiċċju ta’ din is-sistema mhuwiex biss it-tnaqqis fil-ħin ta’ stennija iżda wkoll il-fatt li din se tippermetti li l-pazjent ikollu aċċess biex jitkellem ma’ konsulent.

Mill-ewwel stadji, il-konsulent se jkun qed jesegwixxi sistema ta’ triage li tiggwida lill-pazjent jekk jattendix l-MDH jew xi sptar privat, biex b’hekk is-sistema tkun waħda bla riskju.

L- MUMN qalet ukoll li s-sitwazzjoni fid-dipartiment tal-emerġenza teħtieġ bidliet urġenti peress li l-infermiera u t-tobba li jaħdmu hemm huma mgħobbija żżejjed bin-numru kbir ta’ pazjenti li jattendu dan id-dipartiment. Madankollu, il-pazjenti huma l-aktar li jbatu b’ħin ta’ stennija ta’ madwar 6 sigħat fil-waiting room b’6 sigħat oħra fid-dipartiment tal-emerġenza bħala ħin tal-ipproċessar.

L-istatus quo mhux għażla u l-MUMN tilqa’ lill-Ministru tas-Saħħa biex jibda jindirizza l-kwistjonijiet li qed iweġġgħu lin-nies li jgħixu fil-gżejjer Maltin. L-MUMN tikkundanna kull azzjoni li tfixkel is-suċċess ta’ proposti bħal dawn minħabba ego jew aġendi personali li jitraskuraw kompletament il-bżonnijiet tal-pazjenti li jattendu d-dipartiment tal-emerġenza tal-MDH.

L-MUMN tenniet li tinsab lesta li tikkollabora mal-Ministru tas-Saħħa biex proposti bħal dawn ikunu suċċess għall-ġid u l-benessri tal-pazjenti li jattendu d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-MDH.

Sport