Saturday, December 21, 2024

L-MUT titlob li jerġa’ jibda jitlaqqa’ l-bord tal-kurrikulu

Reazzjoni għat-tħabbira tal-Ministru tal-Edukazzjoni dwar tibdil fil-kurrikulu nazzjonali 

Aqra wkoll

It-tħabbira tal-Ministru tal-Edukazzjoni nhar it-Tlieta waqt attività, fejn semmiet li l-kurrikulu nazzjonali se jkun qiegħed jinbidel minħabba l-pandemija, qajmet ħafna mistoqsijiet għall-Malta Union of Teachers (MUT). Din il-unjin appellat biex fl-immedjat jerġa’ jiltaqa’ l-bord tal-kurrikulu, li għadu kompost iżda twaqqaf ftit ta’ snin ilu u biex tali diskussjoni għandha ssir f’dan il-bord fejn hemm dawk kollha intiżi fil-materja, inkluż l-uffiċjali li ħadmu fuq id-dokument oriġinali u l-implimentazzjoni tiegħu.

Filwaqt li tistenna wkoll li kull konsultazzjoni ssir mal-edukaturi, fl-istqarrija l-MUT spjegat li l-bord magħruf bħala l-NCF Board kien qiegħed iħares u jirrivedi l-implimentazzjoni tal-kurrikulu. L-unjin tgħid ukoll li dan il-bord kien ħareġ mill-istess dokument imsejjaħ “Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali għal Kulħadd” li ġie ppublikat fl-2012. Jingħad li dan il-qafas ġie mniedi b’konsensus nazzjonali, inkluż dak iż-żmien tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, it-tmexxija tal-Iskejjel tal-Istat, tal-Iskejjel tal-Knisja, tal-Iskejjel Independenti u l-MUT. 

Dokument li ma jeħtieġlu ebda tibdil

“L-imsemmi dokument, li għadu fil-fażi ta’ implementazzjoni fl-iskejjel tant li f’dawn il-jiem għaddej taħriġ dwaru lill-għalliema, ma jeħtieġlu l-ebda tibdil kawża tal-pandemija. Il-kurrikulu huwa dokument ta’ viżjoni fit-tul għall-qasam edukattiv u li jibqa’ fis-seħħ minn leġislatura għall-oħra, minn Ministru għall-ieħor, biex joffri stabbiltà fil-qasam edukattiv. Is-settur edukattiv jeħtieġlu stabbiltà waqt u aktar u aktar, wara pandemija u mhux tibdil bla bżonn,” sostniet il-unjin.

L-MUT tħoss li bidla fil-viżjoni għall-edukazzjoni f’pajjiżna hija inkwetanti u tisħaq li ebda pandemija m’għandha tibdel l-għanijiet ewlenin tal-edukazzjoni hekk kif minsuġa fil-qafas tal-kurrikulu nazzjonali. Tgħid ukoll li hemm bżonn ta’ distinzjoni bejn is-sillabi u l-kurrikulu. 

“Il-kurrikulu eżistenti jagħti l-ispazju kollu għal tibdil, hekk kif ġara matul il-pandemija, fejn l-operat tal-iskejjel ġie rivedut. Dan, iżda, ma fissirx bidla fil-kurrikulu nazzjonali, kif fil-fatt ma seħħx, għax il-kurrikulu huwa ħafna ‘l fuq mill-operat,” speċifikat din il-unjin tal-edukaturi. 

Ekonomija

Sport