Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Josianne Cutajar nedew il-kampanja nazzjonali “Spalla Għalik fuq ix-Xogħol”, b’għan li tqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, tindirizza r-riskji psikosoċjali u tħeġġeġ kultura ta’ appoġġ, rispett u inklużjoni fost il-ħaddiema.
Bħala parti mit-tnedija huma żaru l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA), post tax-xogħol eżemplari fejn setgħu josservaw mill-qrib attivitajiet u miżuri fl-operat li ġew implimentati biex ikomplu jsaħħu s-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema, b’mod speċjali fejn tidħol is-saħħa mentali.
Il-kampanja tibni fuq il-ħidma kontinwa tal-awtorità biex issaħħaħ il-prevenzjoni u tiżgura li s-saħħa mentali tingħata l-istess importanza bħas-saħħa fiżika.
Il-Ministru Attard saħaq li “L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa eżempju f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u sigurtà inkluż l-aspett tas-saħħa mentali u għaldaqstant ħassejna li kellna niedu kampanja fuq bażi nazzjonali marbuta mas-saħħa mentali propju f’dan il-post. Il-MIA huwa riflessjoni tanġibbli tal-progress li għamel pajjiżna bis-saħħa tar-riformi leġiżlattivi l-ġodda, li jirrikonoxxu l-benesseri tas-saħħa mentali apparti dik fiżika”.
Permezz tal-kampanja, l-Awtorità qed tenfasizza li r-riskji psikosoċjali, fosthom it-tagħbija eċċessiva tax-xogħol, sigħat twal, nuqqas ta’ komunikazzjoni, bullying u fastidju, għandhom jiġu identifikati, evalwati u indirizzati mill-għerq.
Bħala parti minn dan l-impenn, f’Ottubru tal-2025 l-OHSA waqqfet Taqsima tal-Psikoloġija biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha fil-qasam tar-riskji psikosoċjali. Din it-taqsima qed tikkontribwixxi fir-riċerka, fl-iżvilupp tal-politika u fl-appoġġ lill-uffiċjali tekniċi waqt spezzjonijiet relatati ma’ dawn ir-riskji. Fejn jinstab ksur tal-obbligi legali, l-Awtorità tista’ tieħu l-azzjoni ta’ infurzar prevista mil-liġi.
L-OHSA qed tinvesti wkoll fit-taħriġ u fl-edukazzjoni. B’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond, qed toffri żewġ korsijiet b’xejn: l-Ewwel Għajnuna għas-Saħħa Mentali fuq il-Post tax-Xogħol u l-Prevenzjoni tar-Riskji Psikosoċjali. Dawn huma mfassla biex jgħinu lil min iħaddem, lill-maniġers, lill-ħaddiema u lil dawk responsabbli mir-riżorsi umani jagħrfu s-sinjali ta’ diffikultà, jipprevjenu r-riskji u jiggwidaw lill-persuni lejn l-għajnuna professjonali meħtieġa.
Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv Dr Josianne Cutajar qalet li “Bil-kampanja ‘Spalla Għalik fuq ix-Xogħol’, l-OHSA qed tkompli ssaħħaħ il-messaġġ li kull ħaddiem jgħodd, u li post tax-xogħol sigur għandu jħares mhux biss is-saħħa fiżika, iżda wkoll is-saħħa mentali, il-benessri u d-dinjità ta’ kull persuna”.
Il-kampanja nazzjonali timxi id f’id mal-kampanja Ewropea “Flimkien għas-Saħħa Mentali fuq il-Post tax-Xogħol”, li l-OHSA se tkun qed tmexxi fuq livell nazzjonali.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-OHSA qed tappella lil min iħaddem biex jieħu azzjoni konkreta biex jipproteġi l-benesseri tal-ħaddiema, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom biex jipparteċipaw u jsemmgħu leħinhom, u lil kulħadd biex ikisser l-istigma u ma jibżax jitkellem jew jitlob l-għajnuna.
Il-Ministru Attard u Il-Kap Eżekuttiv kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg u fost persuni oħra f’din iż-żjara kien hemm iċ-Chairman tal-OHSA Pierre Fava, rappreżentanti oħra mill-OHSA u oħrajn mill-MIA.

