Saturday, November 23, 2024

LEĦEN MALTA FL-UNJONI EWROPEA

Aqra wkoll

Is-Summit Ewropew li sar fl-aħħar jiem fuq l-aġenda tiegħu kellu diversi temi importanti u anke kontroversjali x’jiġu diskussi. Fost dawn kien hemm l-assi finanzjarji ffriżati Russi u l-użu tagħhom biex l-Unjoni Ewropea tgħin militairement lill-Ukrajna. Materja li għalkemm ma kienx hemm qbil dwarha, hija xi ħaġa li għadha qiegħda tiġi diskussa. Wieħed jista’ jifhem li din mhi se tagħmel xejn għajr tkompli tbiegħed ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja. Hija xi ħaġa li qiegħda tkun diskussa u li tmur kontra l-ispirtu tat-twaqqif tal-Unjoni Ewropea li tara li ma jkunx hemm aktar gwerer fl-Ewropa. F’dan il-kunflitt, għall-ewwel darba qegħdin naraw l-Unjoni Ewropea tgħin finanzjarjament pajjiż ieħor li jinsab fi gwerra.
Quddiem dan kien f’waqtu l-inklużjoni ta’ paragrafu li jisħaq fuq ir-rispett tal-politika għad-difiża u s-sigurtà ta’ stati membri oħra. Dan iddaħħal bl-insistenza ta’ Malta. Kien pass li juri li qiegħda tiġi rispettata l-Kostituzzjoni meta taċċetta l-Konklużjonijiet tas-Summit tal-Kunsill Ewropew. 

L-insistenza ta’ Malta fis-Summit wasslu biex iddaħħlu żewġ paragrafi importanti li jirrispettaw u jissalvagwardjaw prinċipji fil-Kostituzzjoni Maltija, fosthom tan-newtralità. Dan kellu jsir minħabba l-konklużjonijiet tas-Summit, konkużjonijiet li ma jidhirx li se jwasslu biex iwasslu l-kunflitt fl-Ewropa. Anzi, huma konklużjonijiet li se jkomplu jtawlu l-kunflitt. Dan ifisser ħaġa waħda – aktar telf ta’ ħajjiet.

L-Unjoni Ewropea twaqqfet proprjament biex ssaltan il-paċi fl-Ewropa. Twaqqfet wara t-Tieni Gwerra Dinjija bil-għan li ma jkollniex aktar gwerer fl-Ewropa. L-għan kien wieħed ċar ħafna – dak li bid-djalogu u d-diplomazija jieħdu post kull kunflitt. Imma llum, jidher li dan qiegħed jitwarrab jew qiegħed ikun injorat. Jidher li kważi 80 sena bla gwerra fl-Ewropa issa, qegħdin jittieħdu qisu xejn mhu xejn. Illum qegħdin jitkellmu kif se jinvestu fl-armi u kif se jinħolqu aktar armi sofistikati.

Dawn mhumiex dikjarazzjonijiet li qegħdin isiru bil-moħbi. Huma dikjarazzjonijiet li qegħdin isiru fil-pubbliku. Għal dawn l-aħħar xhur konna qegħdin nisimgħu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea von der Leyen titkellem fuq aktar armamenti u nefqa akbar fuq il-militar u kif il-Kummissjoni se tkun qiegħda tilħaq din il-mira prinċipali tagħha fil-leġiżlatura li jmiss. Smajna wkoll lill-President tal-Partit tal-Popolari Ewropew (PPE) Manfred Weber, li minnu jagħmel parti l-Partit Nazzjonalista, jgħid li jrid li l-Unjoni tinvesti fl-armi nukleari. Ma dawn imbagħad kellna lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, bi żjarat fil-Parlamenti nazzjonali, liema żjarat kienu qegħdin jagħmlu biss ħaġa waħda – kampanja sħiħa biex l-istess pajjiżi jkunu konvinti li l-Ewropa għandha bżonn ikollha armata tagħha u li għandha bżonn tinvesti fl-armi.
L-affarijiet ma waqfux hemm. Issa qegħdin naraw lil akbar grupp tal-Parlament Ewropew – il-Grupp tal-Partiti Popolari, li qiegħed jipproponi li jitneħħa l-irwol tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Din hija pożizzjoni li hija ċentrali għall-azzjoni esterna u l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u li tassigura li l-iStati Membri jitkellmu b’vuċi waħda. Din hija kariga li turi li fejn tidħol il-politika barranija, il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża, l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda. Titkellem bħala blokk wieħed.

Issa qiegħed ikun propost li l-pożizzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jinqasam fi tnejn. Dan ifisser li qegħdin jipproponu li jkun hemm Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u li jkollna r-responsabbiltà tal-parti l-oħra kkonċernata mid-difiża u s-sigurtà, jiġifieri deċiżjonijiet sensittivi li s’issa jittieħdu b’unanimità bejn l-Istati Membri kollha, tgħaddi għand il-Kulleġġ tal-Kummissjoni Ewropea minflok tibqa’ tkun immexxija mir-Rappreżentant Għoli b’konsultazzjoni u approvazzjoni sħiħa mill-pajjiżi kollha.

Din hija mossa li se tkun qiegħda ssikket pajjiżi li bħalissa mhux jaqblu ma’ ċertu direzzjonijiet li qegħdin jittieħdu. Li qiegħda tagħmel din il-proposta huwa li twarrab fil-ġenb lil dawn il-pajjiżi. Ma nistgħux ma nirrimarkawx dak li ġara ftit ġimgħat ilu u li kien ġab stmerrija ta’ ħafna metą, kemm Ursula von der Leyen u anke Roberta Metsola ħarġu jiddikjaraw appoġġ inkundizzjonat lill-Iżrael għall-attakki li kien qiegħed iwettaq f’Gaża. Attakki li rajnihom iħalli ommijiet u tfal mejtin fost persuni oħra. Attakki li qegħdin joħolqu tbatijiet kbar fost il-poplu Palestinjan. Dik il-pożizzjoni li ġabet kritika kbir, kemm von der Leyen u anke Metsola ħaduhom mingħajr ma kien hemm qbil jew approvazzjoni mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

U ma tridx tmur ‘il bogħod biex tinduna għaliex dan kollu qiegħed isir. L-għan huwa wieħed biss. Dak li jitwettaq dak li ilu ħafna jiġi ppjanat imma dejjem inżamm lura. Dan huwa dak tal-proġett ta’ armata Ewropea.

Sport