Fiż-żmien li ġej, sidien ta’ djar tal-Home Ownership Scheme fil-Mosta se jkunu jistgħu jersqu għall-kuntratt finali tal-proprjetà tagħhom hekk kif intemmu l-proċeduri legali kollha quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ tal-Artijiet dwar il-kumpens li kellhom jingħataw is-sidien li tteħditilhom l-art biex inbnew dawn id-djar.
Ftit ġimgħat ilu fil-gazzetta tal-Gvern ġiet ippubblikata id-dikjarazzjoni dwar l-akkwist mill-Awtorità tal-Artijiet, ta’ artijiet li fuqhom kien sar il-proġett tal-Home Ownership Scheme fil-Mosta. Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Alex Muscat qal li l-Awtorità tal-Artijiet tinsab fil-proċess li tgħaddi l-art akkwistata fl-inħawi magħrufa bħala tad-Dib, fil-Mosta lill-Awtorità tad-Djar.
Kif jintemm dan il-proċess, l-Awtorità tad-Djar tkun tista’ tibda tiffinalizza l-kuntratti mal-madwar 35 sid ta’ djar tal-home ownership fl-inħawi biex dawn ikollhom is-serħan il-moħħ minn titlu sigur tal-proprjetà tagħhom.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fit-tweġiba parlamentari tiegħu poġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-akkwist tal-proprjetà mill-Awtorità tal-Artijiet flimkien mal-pjanti relattivi tal-artijiet akkwistati li flimkien jammontaw għal aktar minn 15,500 metru kwadru ta’ art.
Din il-ħidma mill-Awtorità tal-Artijiet qiegħda ssir fl-isfond tal-wegħda elettorali 639 li l-Partit Laburista kien għamel fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien fl-2022 meta stqarr li l-Gvern Laburista ried jindirizza s-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li jgħixu fi plots tal-Home Ownership Scheme u li kienu għadhom ma sarux sidien sħaħ ta’ darhom.
Huwa mifhum li l-Awtorità tal-Artijiet qed tkompli għaddejja b’din il-ħidma biex jiġu solvuti wkoll kwistjonijiet pendenti dwar akkwist ta’ artijiet f’lokalitajiet oħra fejn ukoll hemm sidien ta’ djar tal-home ownership li għadhom ma resqux għall-kuntratt finali mal-Awtorità tad-Djar.