Wednesday, December 25, 2024

Libjan mixli li attakka Sirjan f’residenza f’Raħal Ġdid jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Libjan ta’ 37 sena tressaq il-Qorti, akkużat li attakka raġel f’residenza f’Raħal Ġdid, nhar il-Ħamis li għadda. Mohammed Hamza, ġie mixli li poġġa l-ħajja tal-allegata vittma f’periklu.

Hamza kien mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi u li volontarjament kiser il-paċi pubblika. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li kmieni l-Ħamis filgħodu, fl-Għassa tal-Pulizija f’Raħal Ġdid daħal raġel b’flokk imtebba’ bid-demm u li dan kellu wkoll demm ma’ idejh u ma’ wiċċu.

Meta kien mistoqsi mill-Pulizija jekk għandux bżonn għajnuna, l-akkużat qalilhom li mhux hu għandu bżonn l-għajnuna, iżda raġel li kellu argument miegħu. Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li ftit tal-ħin wara daħlilhom rapport li kien hemm bżonn l-għajnuna tal-Pulizija għal raġel li safa aggredit.

Il-vittma kien ġie aggredit b’mazza u għodda li tintuża biex wieħed jaqta’ l-madum. Il-vittma qal lill-Pulizija li kien attakkat minn persuna li jismu Mohammed.

Il-Prosekuzzjoni mmexxja mill-Ispettur Keith Rizzo kompla jispjega li wieħed mill-kuntistabbli li kien qiegħed fl-għassa, informa lill-akkużat li kien qed jinżamm arrestat.

Quddiem il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, Mohammed wieġeb li mhuwiiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tilqa’ t-talba għal ħelsien mill-arrest, fuq diversi kundizzjonijiet.

Il-Qorti ordnat lill-akkużat, sabiex ma javviċina lill-ebda xhud tal-Prosekuzzjoni, biex jattendi s-seduti kollha tal-Qortiu sabiex ma jaħrabx. Il-Qorti ordnatlu wkoll garanzija personali ta’ €3,000.

L-avukat tal-AĠ Kaylie Bonnet u l-Ispettur Keith Rizzo mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Alfred Abela, Jacob Magri u Rebecca Mercieca kienu l-avukati difensuri.

Ekonomija

Sport