Sunday, November 24, 2024

LifeCycle Malta tisponsorja pellegrinaġġ f’Lourdes għall-pazjenti b’mard tal-kliewi

Aqra wkoll

Il-LifeCycle Malta Foundation reċentement sponsorjat vjaġġ lejn Lourdes għal grupp ta’ pazjenti li jbatu minn mard kroniku tal-kliewi u li ngħaqdu mal-pellegrinaġġ li jiġi organizzat kull sena minn Malta mill-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes. Il-vjaġġ ta’ dawn il-pazjenti tal-kliewi kien iffaċilitat bl-għajnuna tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-benefiċċji spiritwali u emozzjonali li jista’ joffri l-pellegrinaġġ, il-Fondazzjoni, li hija l-unika organizzazzjoni volontarja f’Malta li hi ddedikata biss għat-titjib tas-saħħa u l-benesseri ta’ dawk li jbatu minn mard tal-kliewi u biex tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi, ilha mis-sena 2000 tisponsorja dan il-vjaġġ annwali biex tipprovdi tama u waqfa tant meħtieġa lil dawn il-pazjenti. Il-parteċipanti, akkumpanjati minn staff mediku u voluntiera, ħadu sehem f’dan il-vjaġġ spiritwali, hekk kif żaru l-Grotta ta’ Massabielle u ngħaqdu ma’ pellegrini minn madwar id-dinja f’servizzi ta’ talb, fost attivitajiet oħra.

Il-pellegrinaġġ annwali għal Lourdes jipprovdi wkoll opportunità unika għall-pazjenti li jbatu minn mard tal-kliewi, u joffrilhom iċ-ċans rari li jivvjaġġaw barra minn xtutna, proċess li huwa ta’ spiss ikkumplikat minħabba l-ħtieġa ta’ dijalisi regolari. Il-LifeCycle Malta Foundation u r-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei jiżguraw li dawn il-vjaġġi jkunu mfassla biex il-bżonnijiet mediċi kollha jiġu sodisfatti, inkluż aċċess għal servizzi ta’ dijalisi f’faċilitajiet lokali qrib Lourdes.

Iċ-Chairman tal-LifeCycle Malta Foundation, Alan Curry, ikummenta: “Bħala Fondazzjoni, l-approċċ olistiku tagħna dejjem ipprijoritizza l-benessri tal-pazjenti tagħna, inkluż li joffrilhom esperjenzi li għalihom tipikament isiru kważi impossibbli. Sa mill-bidu nett, sponsorjajna dan il-vjaġġ billi niżguraw li jkun kompletament inklużiv u aċċessibbli, minkejja l-isfida loġistika. L-arranġamenti mediċi kkomplikati li huma meħtieġa għal vjaġġ bħal dan ifakkruna bil-kbir dwar kif il-mard tal-kliewi jiddomina l-ħajja ta’ dawn il-pazjenti u jibdilhom profondament. Pazjenti tal-kliewi ma jieħdux pawża mir-rutini tat-trattament tagħhom, iżda dan il-vjaġġ jirrappreżenta opportunità prezzjuża li tgħolli l-moral u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom.”

Sa mit-twaqqif tagħha fl-1999, il-LifeCycle Malta Foundation ġabret kważi €4 miljun, prinċipalment permezz tal-LifeCycle Challenge u LifeWalk. L-isfida tal-2024, bit-tema “Journey of Good Hope”, se twassal biex 16-il parteċipant isuqu r-rota għal medda ta’ 2,000 kilometru mill-Botswana sal-Cape of Good Hope fl-Afrika t’Isfel fuq perjodu ta’ għaxart ijiem. Iċ-ċiklisti u t-tim ta’ sapport jitilqu minn Malta fil-25 ta’ Ottubru.

Il-LifeCycle Challenge 2024 għandu l-appoġġ tal-isponsor ewlieni Nescafé, flimkien ma’ sponsors oħra bħal Smart Technologies Ltd, APS Bank, Laferla Insurance, The Web Ally, Agora u JPA. 

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew billi wieħed jibgħat SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.  

Donazzjonijiet permezz ta’ trasferiment bankarju jistgħu jsiru permezz tal-kodiċi Swift VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017. L-isem tal-bank huwa Bank of Valletta, u n-numru tal-kont huwa 14814521017.

Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529

Għal aktar informazzjoni żur https://lifecyclefoundation.com jew https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge 

Sport