Friday, May 3, 2024

LIL BERNARD GRECH NGĦIDULU ‘GAME OVER’

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista fil-Gvern dejjem wettaq riformi kbar u ġab kisbiet biex jagħti iktar dinjità lill-persuni li jkunu ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà. Partit li dejjem wennes liż-żgħir u lill-emarġinat. Dan huwa l-prinċipju tagħna; dak tas-solidarjetà fejn naraw min l-iktar li għandu bżonn u nwennsuh.

Nhar it-Tlieta ċċelebrajna jum il-mara, fl-istess jum li jien kont mistieden nagħmel diskors fl-attività tal-Partit ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-post fejn il-mibkija u leġġenda Maltija is-Sinjura Agatha Barbara ħadmet id f’id mal-Perit Duminku Mintoff biex dak iż-żmien ukoll bħala Partit għamilna l-bidliet neċessarji u elevaw lis-soċjetà Maltija. 

Illum ukoll għadna nħaddnu l-istess prinċipji. Iktar ma noqorbu lejn l-elezzjoni ġenerali, iktar qed tidher ċara l-għażla li għandna quddiemna. Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela bħala Mexxej b’viżjoni u serju u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li huwa sfukat, immexxi minn klikka u maqtugħ mir-realtà.

Aħna bil-fatti Gvern li jisma’. Matul l-aħħar sentejn ġeddidna l-politika tagħna biex inkomplu noffru politika friska u aġġornata għaż-żminijiet ta’ llum. Tul din il-leġiżlatura wettaqna riformi kbar biex tejjibna l-kwalità tal-ħajja. Għalhekk aħna ngħidulkom li naddottaw politika tan-nies. Għax qalbna man-nies u nemmnu fil-kapaċitajiet tal-Maltin. 

Minkejja li għaddejna minn żmien diffiċli, aħna bqajna ffukati u ħdimna mhux biss  fuq il-pandemija li tafu tajjeb li dal-Gvern irnexxilu jsib il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija imma wettaqna riformi kbar u tajna ħafna benefiċċji biex stajna nistimulaw l-ekonomija. B’hekk illum il-ġid qed jitgawda fil-faxex kollha tas-soċjetà.  

Matul il-pandemija qassamna l-vouchers u tajna n-nifs lin-negozji. Fl-istess waqt tajna ħin ta’ għajnuna lill-familji li gawdew minnhom ukoll.  Lill-istudenti tajnihom l-eżamijiet tal-Matsec b’xejn sabiex ma jkunx hemm differenza ta’ klassi soċjali għax irridu li t-tfal tal-ħaddiema kollha jingħataw iċ-ċans li jitgħallmu, 

Ir-riformi fl-akkomodazzjoni soċjali u t-tibdiliet fil-liġi tal-kera ukoll bidlu l-ħajja tan-nies għall-aħjar. Ingħataw  għajnuniet kbar lill-persuni b’diżabilitàu bdilna l-liġi biex tipproteġihom dejjem iktar. L-anzjani wkoll gawdew billi żidnilhom il-penzjonijiet sena wara l-oħra. Komplejna nżidu l-formolarju tal-mediċini b’xejn. 

Lista li ma tispiċċa qatt li turi l-impenn sħiħ ta’ dan il-Gvern li baqa’ sod fil-maltemp aħseb u ara x’ser inkunu qed nagħmlu fiż-żmien li ġej.

Ma rridux ninsew li dan kollu wettaqnieh kontra l-kurrent tal-Oppożizzjoni li lanqas meta għaddejna mid-diffikultajiet bħala pajjiż, ma sibna lill-Oppożizzjoni magħna. 

Tinsewx li kien hemm min fost l-esponenti u attivisti Nazzjonalisti li ħadu gost bil-pandemija. Dawn l-esponenti Nazzjonalisti kienu jitolbu pubblikament biex f’Malta jkun hawn l-għaks sabiex il-Partit Laburista jitlef il-Gvern. Pruvaw jippolitiċizzaw u jieħdu vantaġġ mill-pandemija. Tiftakruhom meta xegħlu x-xemgħat quddiem it-taraġ ta’ Kastilja? Nies insensittivi li qajla jindunaw li qegħdin iweġgħu lin-nies b’dak li jgħidu u dak li jagħmlu. 

Dawn huma l-istess nies li f’din il-leġislatura ħadu gost li Malta ġiet fuq il-lista l-griża. Mhux talli hekk talli minflok il-Kap tagħhom qabad id f’id mal-Prim Ministru, kiteb ittra biex Malta titpoġġa fuq il-lista l-griża. Min naħa l-oħra dan il-Gvern ħadem bi sħiħ biex kollox jinsab lest biex Malta titneħħa mil-lista l-griża.

Għalhekk l-għażla hija waħda ċara. Aħna l-Partit li meta nkunu fil-Gvern naħsbu fin-nies. Bil-proposti tagħna ser inkunu qed nibnu fuq it-tajjeb li diġa wettaqna għal futur isbaħ u aħjar. Fi żmien li ġej ser nibqgħu naħdmu biex inwensu l-familji u ngħinu lil min l-iktar li għandu bżonn. L-anzjani jistgħu iserrħu rashom għax jekk ningħataw il-fiduċja l-penzjonijiet ser jibqgħu jiżdiedu. Bi Gvern Laburista ż-żgħażagħ ser ikollhom opportunitajiet ġodda fejn jistgħu jimirħu u jilħqu l-ħolm tagħhom. Dan il-Gvern diġà wera kemm huwa pro-business u fi żmien li ġej lin-negozji ser inraħħsulhom it-taxxa biex ikattru iktar ġid. L-iskop tal-proposti tagħna fil-manifest huwa li ngħollu l-kwalità tal-ghixien u għalhekk qegħdin nintrabtu li ninvestu €700m biex insebbħu l-ambjent ta’ madwarna.

Għalhekk fis-26 ta’ Marzu l-elettorat Malti ser jagħti l-appoġġ lil Robert Abela u lill-Partit Laburista filwaqt li jiċħad il-politika ta’ firda, negattività u qtiegħ il-qalb. Minkejja li bidlu l-Kapijiet il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidilx u għalhekk il-poplu Malti ser jibgħat messaġġ lil Bernard Grech u jgħidlu ‘Game Over’. 

Sport