Sunday, November 24, 2024

“Lil hinn mill-kompetizzjoni hija esperjenza personali indimentikabbli”

Grupp ta’ atleti Maltin b’esperjenza sportiva fil-Greċja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin l-isport tal-Obstacle Course Racing (OCR) kompla jżid l-interess fost persuni ta’ kull età. Minn ġirja partikolari li bdiet tiġbed l-interess taż-żagħżagħ bi ftit mijiet jipparteċipaw għall-introduzzjoni ta’ aktar tiġrijiet li ma servewx ta’ għażla, iżda ta’ aktar impenn minn diversi atleti Maltin.

Dan is-sit tkellem ma’ Carina Suda waħda mill-atleti li fl-aħħar jiem kwalifikaw biex jieħdu sehem fl-iSpartanTrifecta World Championship li jsiru fil-Greċja. Rigward jekk jiffurmawx xi tim partikolari, Suda qalitilna li l-grupp ta’ Maltin kellhom komuni l-istess delizzju, iżda kienu ġejjin minn timijiet differenti. “Minkejja li konna ġejjin minn gruppi differenti tista’ tgħid ingħaqadna tim wieħed biex nirrappreżentaw lil pajjiżna fost ħafna atleti minn pajjiżi oħrajn”, kompliet tgħid Suda.

Mistoqsija dwar il-livell tal-atleti fit-tim Malti hija spjegatilna li hemm min ilu f’dan l-isport biss ftit snin u hemm min ilu seba’ snin jikkompeti.

Mistoqsija dwar l-opportunità li tikkompeti barra mill-pajjiż hija qalitilna li fil-verità huwa gwadann personali li tikkwalifika għaċ-championships u taf li se tikkompeti mal-aħjar nies minn pajjiżi minn madwar id-dinja kollha. Din il-kompetizzjoni hija appuntament ta’ kull sena u għalhekk kull min għandu għal qalbu dan l-isport jimmira li jkollu l-opportunità li jidħol għal tali sfida.

Dwar it-talent Malti, l-atleta Maltija qalet ma’ Talk.mt li minkejja li aħna pajjiż żgħir, għandna nkunu kburin li Malta kellna rikkonnoxximent tajjeb u li kienet qiegħda tikkompeti ma’ pajjiżi oħra b’saħħithom. “Apparti l-ħbiberija li saħħaħna, ingħaqadna bħala Maltin u ksibna riżulati tajbin ħafna li tassew kburin bih”, kompliet filwaqt li semmiet uħud mill-unuri li kisbu l-atleti Maltin. 

Mikaela Borg irnexxielha tikseb it-tielet post fil-kategorija tan-nisa bejn il-25 u d-29 sena fit-tellieqa tas-Super. Brenda Cascun li kisbet it-tieni fit-tellieqa tal-iSprint u tal-Beast fil-kategorija tagħha ta’ bejn it-30 u l-34 sena u Dzintra Grech li rnexxielha tirbaħ l-ewwel post kemm fl-iSprint, fis-Super u fil-Beast fil-kategorija tagħha ta’ bejn il-35 u d-39 sena. B’dawn l-istess riżultati, Dzintra Grech u Brenda Cascun kisbu il-punti u kwalifikaw l-ewwel u t-tieni rispettivament “overall” fil-kategoriji tagħhom imsemmija. Carsten Fraatz kiseb 17-il Trifecta matul din is-sena biex tela’ għal 50 Trifecta kemm ilu jipprattika dan l-isport.

Mistoqsija dwar id-differenza li tikkompeti individwalment jew bħala tim, Suda qalitilna li rrelevanti jekk titlax ittellaq biex tagħmel ħin individwali, jew sempliċiment ittellaq b’mod kollettiv, iżda inti trid tkun lest li se ttellaq biex mhux biss tegħleb l-ostakli li se jkollok, imma kemm jirnexxilek tkun personalment b’saħħtek fiżikament u mentalment, u fuq kollox detterminat li ma taqta’ qalbek qatt.

“Din hija esperjenza unika u sfida li tesperjenza tliet tlilaq fi tlett ijiem f’postijiet u terrani li ma tiltaqax magħhom f’pajjiżna u għalhekk inħeġġeġ lil min qiegħed itella’ u jniżżel biex ma jaqtax qalbu u jidħlu anke fuq livell ta’ sfida personali biex jesperjenzaw din l-esperjenza indimentikabbli”, temmet Suda.

Sport