Sunday, January 19, 2025

Lista

- Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Il-Ħadd li għadda l-Partit Laburista ċċelebra l-ħames sena minn mindu nħatar mexxej ġdid, minn mindu l-Avukat Robert Abela sar mexxej u Prim Ministru ġdid ta’ Malta, wara l-mexxej u Prim Ministru, l-Ekonomista Joseph Muscat. Bla dubju ta’ xejn dan kien żmien important għall-Partit Laburista kif ukoll għal Malta.

Kull mexxej jagħti direzzjoni lill-partit u l-Labour li huwa fil-Gvern jagħti direzzjoni wkoll lill-pajjiż. L-Istorja ma jbiddilha ħadd u allura nirrakonta biss nista’ llum. Kienet għadha lanqas nixfet il-linka fuq il-karta tal-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru li ma bdejniex nisimgħu li ġej xi virus qerriedi li sejjer ibiddel wiċċ id-dinja. Fil-bidu ħadd qisu ma kien jaf eżatt x’konna se nifaċċjaw.

Ir-rapporti li konna qegħdin nirċievu kienu li ġej virus b’saħħtu u qerriedi. Malta u Għawdex kienu sejrin jinbidlu mhux bi ftit. Kienu jissemmew figuri kbar li minħabba l-virus kienu se jmutu mal-14,000 persuna u minħabba l-istaġnar fl-ekonomija u minħabba l-mod kif sejra tieqaf id-dinja f’pajjiżna konna se nitilfu mal-50,000 post tax-xogħol.

Turiżmu

L-isfida prinċipali li ġabet il-pandemija hija minħabba l-fatt li t-turizmu huwa wieħed mill-pilastri ekonomiċi ta’ Malta. Iħaddem mal-40,000 b’mod dirett u jħaddem eluf oħra b’mod indirett u li jaħdmu u jieklu bil-ġid li jiġġenera t-turiżmu. Minħabba l-fatt li l-pajjiż anke kien għamel perjodi magħluq allura, it-turiżmu l-iktar li qala’ daqqa kbira. La kellna turisti ġejjin lejn Malta u Għawdex u lanqas aħna ma stajn immorru mkien.

Kien hemm perjodu li lanqas konna noħorġu mkien barra u kont immur il-parlament u tara t-toroq u l-ħwienet kollha vojta. Strada Rjali l-Belt min-naħa sa oħra ‘baħħ’, kollha vojta u allura jekk turisti ma ġewx kif sejjer idawwar ir-rota ekonomika ta’ Malta u Ghawdex? Minn fejn se jieklu dawk il-ħaddiema li x-xogħol tagħhom jiddependi minn dan id-dħul?

Hawn daħal il-Prim Ministru ta’ Malta li bil-valuri u l-prinċipji tiegħu għamel skemi biex ikun huwa ta’ forċina biex ma jikkrolla xejn. Dak li fil-fatt ġara. Kien imbassar li jintilfu 50,000 impjieg imma, permezz ta’ skemi li vvinta l-Gvern tal-Prim Ministru ġdid fjamant Robert Abela, ma ntilef l-ebda job.

Kien il-Prim Ministru Abela stess li stqarr li ried li jagħti għajnuna lill-industrija biex l-ebda negozju ma jitfarrak u allura meta d-dinja terga’ lura għan-normal issib lill-ekonomija tagħna lesta biex terġa’ tibda tiġġenera l-ġid. Fil-fatt, dak li ġara li kif il-pandemija ħriġna minnha, aħna konna lesti u bdejna ndawru r-rota.

Illum l-ekonomija ta’ Malta hija l-għira ta’ ħafna pajjiżi u kulħadd iħares lejn l-ekonomija tagħna u jara kif qiegħed jirnexxielha toġħloq dan il-ġid u x-xogħol kollu.

Awguri Prim

Ħames snin ilu ma kontx nafu ħafna lilll-Prim Ministru Abela. Kont naf ismu, smajt li huwa avukat tajjeb ħafna. Min kien fil-qorti kien jgħid li jekk ikollok kawza kontra xi ħadd il-qorti ma tridx li jkollok lilu avukat kontra tiegħek.

Kont nosservah li meta nkunu xi attività kien jigi huwa u xi grupp ta’ żgħażagħ miegħu u li kien jagħmel interventi b’saħħithom fil-laqgħat tal-kabinett tal-Prim Ministru Muscat.

Illum inħossni li naf aktar lill-Prim Minstru Abela u nafu b’dak li għamel. Il-mod kif mexxa fil-pandemija wera l-valuri u l-prinċipji tiegħu u kemm għandu għal qalbu l-klassi tan-nies tax-xogħol. Il-ħaddiema, il-familji, l-anzjani tagħna, il-persuni b’diżabbiltà, iż-żgħażagħ u t-tfal.

Għax il-mod kif imexxi jħalli finger print tal-valuri tiegħu. Dawn il-valuri ma werihomx biss fil-pandemija imma anki wara il-pandemija meta ġie biex jimplimenta riformi kbar li ħadd qatt ma ħaseb li jistgħu jsiru bħall-iskema ta’ Stabbilità fil-prezzijiet.

Kemm qalulna li din qatt ma saret u kemm qalulna jekk tridu issibu l-irħas prezzijiet oqogħdu duru l-ħwienet u araw dak li huwa l-irħas. Huwa ħadem u ġab ir-riżultati u ġab stabbilità fi kważi 500 prodott.

Il-mod kif din is-sena sejjer ikollna tnaqqis kbir fil-taxxa tad-dħul. Budget li qatt qabel fl-Istorja Maltija ma sar wieħed bħalu. Li għal kull elf ewro li ddaħħal se tħallas żero taxxa ta’ dħul fuqhu. Però, jien inħares lejn in non verbali ta’ persuna u filwaqt li l-verbali jgħiduli li Abela huwa persuna sensittiv ħafna, jitkellem fuq affarijiet li forsi ftit nies jagħtu kashom.

Niftakar darba konna l-parlament u l-Kap tal-Oppożizzjoni prova jgħaddi bi żmien lill-irġiel li huma impotenti. Fl-intervent tiegħu l-Prim Ministru Abela ma ħalliex dan il-kumment għaddej lixx u għalija wera kemm huwa persuna sensittiv u b’qalb kbira li għal dawk il-ħafna li kollox jgħaddi għalihom, għalih ma ħallihx għaddej. U n-non verbali tiegħu jiktbu miljun storja l-ewwel meta jkun mal-għażiża tifla tiegħu Giorgia Mae u l-istess enerġija kbira li toħroġ minnu ta’ mħabba u ferħ meta jkun qalb it-tfal u l-istudenti żgħażagħ.

Minn qalbi nawguralek Prim Ministru li tibqa’ tmexxi lil pajjiżna għal ħafna u ħafna snin li ġejin. Erbaħtni b’xogħlok u bil-konvinzjoni tar-riżultati li ġibt bix-xogħol li wettaqt.

Appell sinċier

Lil sħabi l-Ministri li ħafna minnhom ħdimna flimkien fil-grupp parlamentari u kabinett, oħrajn fil-partit u oħrajn għadhom ġodda li kont narahom ġejjin, tilgħin tilgħin u issa huma l-mexxejja tal-pajjiż.

Appell sinċier, il-poplu jkun jaf imma ħafna drabi jinsa kemm saru riformi u tibdiliet, miżuri ġodda u benefiċċji li mill-2012 sal-lum. Nitlob lil kull ministru jagħmel lista ta’ dawn ir-riformi, benefiċċji, servizzi, tibdil li sar biex tejjibna l-ħajja tal-poplu tagħna. Xejn ma jsir waħdu u għandna ħafna affarijiet u riformi u tibdil f’kull qasam.

Tant għandna llum li mhux kulħadd għadu jiftakar x’sar kollu. Ejja nagħmlu din l-lista ghax issa dalwaqt toħroġ il-viżjoni 2050 u nemmen li l-passat taħt il-Labour huwa garanzija tal-futur u jekk iridu li l-viżjoni tagħna ssir realtà, ħadd ma jista’ jeħodna għaliha jekk mhux il-Partit Laburista bit-tmexxija tal-Prim Minstru Abela. Għax aħna jiġġudikawna b’dak li nagħmlu u dak li għamilna qiegħed hemm u jgawdi minnu kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport