Saturday, December 21, 2024

LISTI TRANSNAZZJONALI

Aqra wkoll

Idea li qed iddur ir-ronda dwar kif għandhom jinżammu elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew hi li għandu jkun hemm distretti elettorali transnazzjonali… jiġifieri jkopru partijiet minn pajjiżi differenti. 

  Il-partiti li jikkompetu fl-elezzjoni joħorġu kandidati li jridu jsibu appoġġ aktar wiesgħa minn dak li jkollhom f’pajjiżhom. B’hekk, jintqal, il-popli Ewropej iħossuhom aktar qrib ta’ xulxin, aktar parti minn komunità waħda.

Il-President Franċiż Macron kien fost dawk li ħarġu jipproklamaw dil-proposta. Numru ta’ deputati soċjalisti fil-Parlament Ewropew jappoġġjawha.

Personalment tidhirli proposta goffa li fil-qafas Ewropew ma tagħmel l-ebda sens politiku, speċjalment għall-pajjiżi ż-żgħar. Immaġinaw kieku Malta tkun parti minn distrett transnazzjonali mal-Italja. Numerikament, il-votanti Taljani bilfors jegħlbu għal kollox lill-votanti Maltin.

Bħala rimedju, il-proponenti qed jgħidu li l-pajjiżi ż-żgħar għandhom jiddaħħlu f’distretti transnazzjonali ma’ pajjiżi żgħar oħra – pereżempju Malta mas-Slovenja.  Immaġinaw kemm il-votanti Maltin se joħorġu bi ħġarhom biex jivvotaw għal kandidati Sloveni li dwarhom ma jkunu jafu xejn…!

META L-AFFARIJIET MA JSIRUX SEW

Fil-governanza tal-affarijiet pubbliċi, aktar qed niskopru kif l-affarijiet jeħtieġ li jsiru aħjar. U meta ma jkunux qed isiru sew, kif għandhom jitranġaw. Mhijiex sfida quddiem pajjiżna biss… għalkemm hawn, ġieli tqum bil-qawwi… imma tista’ tgħid quddiem il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, u barra minnha.

Tqum ukoll l-isfida ta’ kif se niżguraw li min qiegħed jissorvelja l-affarijiet, se jkun lil hinn minn kull suspett u tassew ħieles mid-dnubiet li jakkuża lil ħaddieħor bihom.

Issemma dal-punt fl-aħħar ġimgħat f’kontroversji dwar jekk l-Ombudsman Malti jimpjegax persons of trust  bl-istess mod arbitrarju li jixli lill-gvern bih; u dwar jekk il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbużax finanzjarjament mill-privileġġi li tagħtih il-kariga li jokkupa.

TAD-DAĦQ 

  Kont naħseb li l-kjass dwar il-linji ta’ gwida li kien qed jabbozza d-direttorat li tmexxi Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew se jisfuma fi ftit jiem. Imma kien hemm min rewwaħ biex il-biċċa tibqa’ tissemma qisha kienet xi attentat biex l-identità Ewropea tinħonoq. Tal-lemin estrem telqu b’dil-linja u l-lemin “lemini” kompla jagħfas bil-logħba.

Il-linji ta’ gwida jipprovaw jirregolaw kif uffiċjali Ewropej għandhom jesprimu ruħhom b’mod uffiċjali biex jirriflettu il-fatt li fl-Ewropa tal-llum, hemm identitajiet u twemmin ta’ xeħtiet diversi li jistħoqqilhom rikonoxximent u rispett fi spirtu ta’ tolleranza. Mhux talli ma hemm xejn ta’ barraminnhawn f’din l-intenzjoni u f’dan il-metodu, talli hu ta’ min ifaħħarhom, mhux jiddemonizzahom. 

Ħafna mill-kritika li saret lil Helena Dalli barra l-pajjiż, inkluż fil-Parlament Ewropew, u aktar u aktar fostna, jixirqilha apprezzament wieħed: hi ridikola.   

Ekonomija

Sport