Logħba edukattiva biex iż-żgħażagħ jitgħallmu dwar l-immaniġġjar finanzjarju permezz ta’ fondi mill-MCVS

Aqra wkoll

Ġie mniedi uffiċjalment proġett innovattiv li għandu l-għan li jsaħħaħ l-għarfien u l-kapaċitajiet finanzjarji fost tfal u żgħażagħ ta’ bejn is-7 u s-16-il sena. Il-proġett, “Life-Sized Board Game”, qed jiġi implimentat minn Junior Achievement Young Enterprise (JA Malta) u huwa ffinanzjat mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Permezz ta’ din l-inizjattiva ġiet żviluppata logħba edukattiva fuq skala kbira, ispirata mill-format tradizzjonali ta’ Snakes and Ladders, li permezz tagħha t-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jitgħallmu b’mod interattiv u divertenti dwar kunċetti finanzjarji essenzjali bħat-tfaddil, l-ibbaġitjar, l-investiment u nfiq responsabbli.

Il-proġett qed iwieġeb għall-ħtieġa ta’ titjib fil-kapaċità finanzjarja fost iż-żgħażagħ, kif indikata wkoll minn riċerka u stħarriġ imwettaq mill-OECD u FreeHour. L-għan huwa li, permezz ta’ esperjenza prattika, il-parteċipanti jiżviluppaw ħiliet li jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji aktar infurmati fil-ħajja ta’ kuljum.

Parti importanti minn dan il-proġett hija l-involviment ta’ voluntiera żgħażagħ fit-tfassil, l-ittestjar u t-tmexxija tal-logħba. Dan mhux biss jagħtihom opportunità biex ikunu protagonisti f’inizjattiva edukattiva, iżda jgħinhom ukoll jiżviluppaw ħiliet ta’ tmexxija, ħidma f’tim, komunikazzjoni u preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol.

Il-proġett jinkludi wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ għall-voluntiera sabiex ikunu jistgħu jmexxu l-logħba fi skejjel, ċentri komunitarji u inizjattivi kollaborattivi ma’ organizzazzjonijiet volontarji u entitajiet governattivi oħra. Se tingħata wkoll attenzjoni biex din l-opportunità tilħaq tfal u żgħażagħ minn kuntesti soċjali differenti, inkluż dawk ġejjin minn sfondi żvantaġġati. JA Malta qed tippjana wkoll li l-logħba titqiegħed b’mod permanenti fi spazju komunitarju aċċessibbli u frekwentat, sabiex tkun tista’ tibqa’ tintuża minn aktar tfal, żgħażagħ u familji anke wara li jintemm il-perjodu tal-proġett.

Fi żjara f’Tignè Point flimkien ma’ JA Malta, għat tnedija tal-Life-Sized Board Game, li se tkun aċċessibbli għall-pubbliku fil-pjazza sa Frar 2027, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, spjegat kif “meta ninvestu fil-volontarjat, inkunu qed nagħtu saħħa lin-nies biex ibiddlu l-komunitajiet tagħhom għall-aħjar. Dan il-Gvern jemmen fl-organizzazzjonijiet volontarji u qed jagħtihom ir-riżorsi biex l-ideat tagħhom isiru realtà. Se nkomplu nsaħħu din is-sħubija għax irridu politika li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum u tiftaħ bibien ġodda għal uliedna. Għalina, l-għarfien u l-ħiliet għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Kull tifel u tifla jistħoqqilhom l-istess ċans li jitgħallmu, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jieħdu ħajjithom f’idejhom, u dan il-proġett partikolari qed jgħin propju f’dan is-sens.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li “din l-inizjattiva hija eżempju konkret ta’ kif il-fondi tal-VOPS qed jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet volontarji biex iwettqu proġetti innovattivi li jinvestu fil-ħiliet, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet futuri.”

Matthew Caruana, Kap Eżekuttiv tal-JA Malta Foundation qal, “Dan huwa proġett li jqiegħed liż-żgħażagħ fiċ-ċentru, bil-għan li jinvolvihom permezz tal-logħob fit-tagħlim ta’ kunċetti differenti relatati mal-kapaċità finanzjarja, filwaqt li joħloq spazju fejn il-familji jkunu jistgħu jitgħallmu u jikbru flimkien.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport