Is-Sindku tal-Belt iwissi lin-negozji dwar l-indafa: “Irrispettaw lill-komunità Beltija”

Aqra wkoll

Olaf McKay iħabbar li se tintbagħat ittra lin-negozji biex kull filgħaxija jneħħu l-affarijiet tagħhom u jħallu t-triq libera għall-ħaddiema tal-Cleansing.

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, ħareġ twissija ċara lil ċerti negozji li joperaw fil-kapitali, wara li qajjem tħassib dwar l-istat ta’ ndafa fi Triq it-Teatru l-Antik.

Fuq post fuq il-midja soċjali, McKay ikkritika l-imġiba ta’ dawk li joqogħdu jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ ndafa fil-Belt u jikkritikaw lil ħaddieħor għall-ħmieġ li jħalli warajh, iżda mbagħad jispiċċaw jagħmlu l-istess huma.

Is-Sindku saħaq li n-negozji li jagħmlu l-qligħ mill-attività kummerċjali tagħhom fil-Belt għandhom ukoll responsabbiltà li jżommu l-ambjent nadif u jirrispettaw il-komunità li fiha joperaw.

“Ħabib, wara li taqla’ lira mill-Belt, għallinqas ħu ħsieb li tnaddaf warajk,” qal McKay, filwaqt li appella għal aktar rispett lejn ir-residenti Beltin u l-komunità inġenerali.

McKay ħabbar ukoll li n-negozji kkonċernati se jirċievu ittra uffiċjali li permezz tagħha se jintalbu jneħħu l-affarijiet kollha tagħhom kull filgħaxija.

Dan sabiex il-ħaddiema tal-Cleansing ikunu jistgħu jidħlu bil-makkinarju meħtieġ u jwettqu xogħolhom kif suppost, billi jaħslu u jnaddfu t-toroq mingħajr xkiel.

Is-Sindku ċċara li l-kritika tiegħu mhijiex indirizzata lejn in-negozji kollha, hekk kif irrikonoxxa li hemm ħafna operaturi li tassew għandhom rispett lejn il-Belt u l-komunità tagħha.

Madankollu, wissa li s-sitwazzjoni laħqet punt fejn qed jinqabeż kull limitu u li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport