Passiġġier Russu ta’ 36 sena spiċċa f’inkwiet mal-awtoritajiet tal-Użbekistan wara li kkawża kommossjoni abbord titjira li kienet qed tivvjaġġa minn Kuala Lumpur lejn Tashkent.
Skont rapporti, ir-raġel talab aktar xorb alkoħoliku mingħand waħda mill-membri tal-ekwipaġġ. Madankollu, peress li kien diġà fis-sakra, l-membru tal-ekwipaġġ rrifjutat li sservih aktar alkoħol.
Id-deċiżjoni tagħha ma niżlitx tajjeb mal-passiġġier, li beda jgħajjat, u jipprova jiġġieled ma’ diversi persuni abbord l-ajruplan.
Iżda l-inkwiet ma spiċċax mal-inżul tal-ajruplan f’Tashkent. Ir-raġel kompla bl-imġiba aggressiva tiegħu… irrifjuta li jobdi l-ordnijiet tal-uffiċjali tal-pulizija u saħansitra waddab il-bagalja tiegħu mit-taraġ tal-ajruplan ‘l isfel, qabel ma beda jagħtiha bis-sieq.
Il-każ spiċċa quddiem qorti f’Tashkent, li kkundannat lir-raġel għal sebat ijiem ħabs. Matul il-proċeduri, il-passiġġier ammetta l-ħtija tiegħu u esprima dispjaċir għal dak li għamel.




