Il-Partit Laburista fil-Gvern huwa garanzija għal ħajja aħjar għall-anzjani u l-pensjonanti

Aqra wkoll

Delegazzjoni tal-Partit Laburista żaret iċ-ċentru ta’ matul il-jum f’Marsascala, fejn iltaqgħet mal-anzjani li jiffrekwentaw dan iċ-ċentru u li fih isibu kumpanija f’xulxin u post sabiħ fejn iqattgħu ħin flimkien. Id-delegazzjoni kienet magħmula mill-Ministru Deo Debattista u mill-Membri Parlamentari Yana Borg Debono Grech u Francesca Zarb.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Deo Debattista qal li l-Gvern jibqa’ jaħdem biex jiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani, li wara tant snin jagħtu kontribut lill-pajjiż, jistħoqqilhom iqattgħu s-snin tagħhom f’ambjent sabiħ, b’serħan il-moħħ u stabbiltà. Huwa saħaq li l-Gvern ikompli jinvesti fil-benesseri tagħhom, filwaqt li jiżgura li jkollhom aċċess għall-aqwa servizzi tas-saħħa. Dan huwa parti mill-impenn kontinwu biex l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità u jkollhom l-appoġġ li jixirqilhom.

Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Francesca Zarb qalet li l-miżuri mħabbra fil-Baġit ta’ din is-sena, fosthom it-trasferiment tal-bolol bejn il-konjugi biex eluf ta’ nisa se jirċievu pensjoni għall-ewwel darba u l-għoti tal-pensjoni sħiħa lir-romol, miżura li twettaq ġustizzja soċjali ma’ dawn il-pensjonanti. Dawn huma żewġ miżuri importanti li jindirizzaw realtajiet differenti fil-ħajja tal-pensjonanti u li se jwasslu għal aktar sigurtà finanzjarja u serħan il-moħħ għal eluf ta’ persuni.

Il-Membru Parlamentari Yana Borg Debono Grech enfasizzat li Gvern Laburista żamm kelmtu u, permezz tal-Baġit ta’ din is-sena, qed iwassal it-tnax-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet. Dan juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-pensjonijiet u jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.

Il-Partit Laburista jibqa’ kommess li jpoġġi lill-anzjani fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, b’politika li tagħraf il-kontribut tagħhom u taħdem biex tiggarantilhom futur aħjar.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport