Tarbija tat-twelid instabet abbandunata ilbieraħ, għall-ħabta tal-4.30pm, fil-knisja ta’ San Gregorio Magno, fi Piazza Certaldo, f’Ruma.
It-tarbija nstabet minn wieħed mill-parruċċani li lemaħ borża tax-xiri taħt il-kurċifiss. Meta resaq biex jara x’kien hemm ġewwa, induna li fil-borża kien hemm tarbija tat-twelid.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija mill-għassa ta’ Villa Bonelli. Fuq il-post issejħu wkoll is-servizzi tal-emerġenza biex jassistu lit-tarbija.
L-ewwel għajnuna lit-tarbija ngħatat mit-tabib Manuele Berlanda, flimkien mal-infermiera Erika Gioia u Claudia Di Carlo, u x-xufier Antonio Fusco.
It-tarbija tinsab f’kundizzjoni tajba
Skont l-ewwel informazzjoni, it-tarbija tinsab f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa u mhijiex fil-periklu tal-mewt. Hija ttieħdet mill-ħaddiema mediċi lejn l-isptar San Camillo-Forlanini, fejn qed isirilha l-eżamijiet u tingħata l-kura meħtieġa.
Mill-ewwel testijiet mediċi jidher li t-tarbija twieldet bejn 24 u 48 siegħa qabel instabet.
It-tarbija ngħatat l-isem ta’ Gregorio, proprju f’ġieħ San Girgor il-Kbir, il-qaddis li għalih hija ddedikata l-knisja fejn instabet.
Intant, l-investigaturi qed jeżaminaw il-filmati tas-sigurtà tal-knisja. Skont l-ewwel informazzjoni li ħarġet fil-midja, il-kameras qabdu persuna b’velu fuq rasha, li aktarx hija mara, tħalli lit-tarbija taħt il-kurċifiss qabel titlaq minn fuq il-post.
L-investigaturi qed janalizzaw ukoll il-filmati minn kameras tas-sigurtà li jinsabu fl-inħawi, bit-tama li jkunu jistgħu jidentifikaw lill-persuna li ħalliet lit-tarbija fil-knisja.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.




