Sunday, December 22, 2024

Logħba tal-Cricket twassal għall-ġlied kbir fl-Indja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Hija ħaġa mill-aktar normali li l-isport iqajjem ħafna emozzjonijiet speċjalment fejn jidħlu t-timijiet nazzjonali. Naturalment, l-interess tan-nazzjon f’avveniment sportiv ikompli jikber jekk it-tim nazzjonali jkun tal-isport favorit tal-pajjiż u aktar u aktar jekk it-tim rival ikun ġej minn pajjiż b’xi forma ta’ konnessjoni.

Dawn il-fatturi kollha kienu preżenti fil-loghba tal-cricket li saret fl-aħħar jiem ta’ Ottubru bejn il-Pakistan u l-Indja. Dawn iż-żewġ pajjiżi ġirien li ħarġu minn pajjiż li nqassam minn nofs mill-Imperu Ingliż huma rivali kbar, rivalità li politikament hija riflessa fit-tellieqa bejniethom fuq l-armamenti nukleari, li minnhom iż-żewġ pajjiżi għandhom numru sostanzjali minkejja li huma t-tnejn mifnija bil-faqar.

Barra minnhekk, iż-żewġ popli, minkejja li huma tal-istess razza, huma maqsuma bejniethom fuq il-kwistjoni tar-reliġjon. Din il-qasma kompliet tikber kemm ilu jmexxi lill-Indja l-BJT. Dan minħabba li Nahrenda Modi, l-mexxej tal-BJT u l-Prim Ministru attwali Indjan, qiegħed jagħmel minn kollox sabiex jgħaqqad ir-reliġjon predominanti ġewwa l-Indja, jiġifieri l-Hindu, mal-politika tal-pajjiż. 

Jekk hemm ħaġa li tgħaqqadhom lil dawn iż-żewġ pajjiżi, din hija l-passjoni għall-isport tal- cricket, sport li ddaħħal ġewwa l-Indja meta din kienet għadha mmexxija mill-Imperu Ingliż. Però fil-loghba li qegħdin insemmu din il-passjoni komuni wasslet għal ħafna nkwiet ġewwa l- Indja. Minħabba din il-loghba, sfaw arrestati numru ta’ Indjani li jħaddnu r-reliġjon Musulmana u saħansitra ġie fil-mira ta’ ħafna kritika l-uniku plejer Musulman tat-tim nazzjonali Indjan.

Storja ta’ ġlied 

Wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-Imperu Ingliż beda jaffaċċja ħafna problemi finanzjarji minħabba li kien investa kollox sabiex jegħleb lin-Nazisti. Dan wassal sabiex il-politiċi Ingliżi ħadu d-deċiżjoni li jżarmaw l-Imperu. Waħda mill-ewwel mossi li għamlu kienet li bdew iħejju sabiex jitilqu mill- akbar kolonja li kellhom, jiġifieri l-Indja. 

Il-problema li kellhom l-Inglizi qabel setgħu jitilqu minn dan il-pajjiż enormi kienet il-qasma li kienet teżisti fil-pajjiż bejn il-maġġoranza tan-nies Hindu u l-minoranza Musulmana. Hawnhekk wieħed irid joqgħod attent li ma jiġix mqarraq bil-kelma minoranza għax f’pajjiż enormi bħall-Indja, din il-minoranza Musulmana dik il-habta kienet tammonta għal kważi mitt miljun ruħ.

Is-soluzzjoni tal-Ingliżi kienet li jaqsmu l-Indja fi tnejn, l-Indja tal-Hindus, u Indja oħra tal- Musulmani. Sabiex jagħmlu din il-qasma, l-Ingliżi kienu mxew fuq prinċipju ġeografiku fejn għażlu ir-reġjuni li kellhom l-maġġoranza Musulmana u minnhom iffurmaw il-Pakistan. Kien hemm ġlied kbir bejn il-Musulmani u l-Hindus waqt it-tranżizzjoni  li rat miljuni ta’ nies ihallu djarhom u jmorru fil-pajjiz li kien iħaddan ir-reliġjon taħhhom. 

L-istramberija kienet li bil-loġika tal-Ingliżi li jiffurmaw il-Pakistan mir-reġjuni Musulmani, dan il-pajjiż ġie jikkonsisti f’żewġ żoni kbar mifruda minn xulxin b’eluf ta’ mili ta’ art Indjana tal-Hindus. Eventwalment, iż-żona Pakistana li kienet ħarġet mir-reġjuni tal-lvant tal-Indja ta’ żmien l-Inglizi nfirdet miż-żona tal-punent u ġie ffurmat pajjiż ieħor li ngħata l-isem tal- Bangladesh.

Sa mill-bidu nett tal-qasma tal-Indja, l-istorja tal-Indja kif nafuha llum u l-Pakistan kienet iddominata minn ħafna ġlied diplomatiku li ħafna drabi wassal għall-interventi militari. Dan minħabba li għad hemm xi kwistjonijiet f’reĠjuni ġewwa l-Indja fejn għad hemm ħafna ċittadini Musulmani bħal dak tal-Kashmir li dan l-aħħar, issarraf f’ħafna ġlied kif konna rajna f’ artiklu iehor ġewwa din il-paġna.

X’ġara f’din il- partita?

Bħalissa qiegħda tintlagħab it-Tazza tad-Dinja tal-Cricket ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda. It-tim Indjan huwa wieħed mill-aktar b’saħħithom tad-dinja u wieħed mill-favoriti li jirbaħ din il-kompetizzjoni. Qabel din il-logħba, l-Indja kienet rebħet il-konfronti kollha kontra l- Pakistan. 

Kontra kull mistenni, fl-aħħar konfront ta’ bejniethom, il-Pakistan litteralment kaxkar lit-tim Indjan u ħareġ rebbieħ għall-ewwel darba f’kompetizzjoni hekk importanti. Milli jidher, fuq in- naħa tat-tim Indjan saru xi żbalji minn xi plejers partikolari li wasslu għal din il-telfa umiljanti għall-Indjani. L-isfortuna hija li wħud mill-aktar żbalji gravi saru minn Mohammed Shami, li huwa l-uniku plejer Musulman fit-tim Indjan.

Kien hemm litteralment mijiet ta’ eluf ta’ partitarji Indjani li żvogaw id-diżappunt tagħhom għal din it-telfa permezz ta’ miljuni ta’ kummenti dispreġjattivi fuq il-midja soċjali fil-konfront ta’ Shami, fejn saħansitra ġie akkużat minn ħafna li għamel dawn l-iżbalji b’mod deliberat sabhiex jrebbaħ lill-Pakistan. Kien hemm kummenti ta’ theddid u anke  wħud li bdew jitolbu lil federazzjoni Indjana tal-Cricket sabiex tkeċċi lil Shami mit-tim u saħansitra sabiex fil-futur ma tagħżilx plejers Musulmani fit-tim nazzjonali Indjan.

Ċelebrazzjonijiet u arresti

Sabiex aktar ikomplu jisħnu l-affarijiet, fl-istess ħin li kien għaddej il-baraxx fuq Shami, fuq il- medja soċjali bdew jittellgħu diversi filmati ta’ Indjani Musulmani jiċċelebraw ir-rebħa tal- Pakistan. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet wasslu għal ħafna arresti ta’ dawn l-Indjani Musulmani fuq akkużi li kienu qegħdin jinstigaw ġlied fil-pajjiż. Kien hemm saħansitra minn tkeċċa minn xogħlu għax mar jiċċelebra. Filfatt, Indjana li taħdem bħala għalliema fil-Kashmir ġiet intevistata mill-BBC u din qalet li tkeċċiet minn xogħlha propju minħabba din ir-raġuni. Kien hemm ukoll numru ta’ studenti universitarji li ġew sospiżi mill-universitajiet tagħhom minħabba f’hekk. Fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, kien hemm xi politiċi tal-BJT li stiednu lill- universitajiet sabiex jkeċċu b’mod permanenti lilll-studenti bħal dawn kif ukoll addirittura joħorġu digriet li bih gradwati li jinqabdu jagħmlu atti bħal dawn titteħdilhom id-degree tagħhom.

Għalkemm din ma hijiex l-ewwel darba li l-logħba tal-cricket wasslet għal ġlied fl-Indja, dan qiegħed kull ma jmur jeskala minħabba l-faċilità li wieħed juża’ ħażin l-medja soċjali. Dan huwa tassew perikoluż fil-każ tal-Indja u l-Pakistan fejn sempliċi tingiża żgħira taf twassal għal gwerra bejniethom. 

Ekonomija

Sport