Minn Cristian Muscat
Hija waħda mill-aktar difensuri b’esperjenza fil-futbol femminili Malti, iżda dan is-sajf iddeċidiet li tieħu sfida kompletament differenti.
Għal Lorna Zahra Cassar, il-kampjonat tal-Beach Soccer femminili kien opportunità biex tesperjenza xi ħaġa ġdida, toħroġ mir-rutina tal-futbol tagħha u fl-istess ħin tkompli tagħti kontribut importanti lill-isport tan-nisa f’Malta.
Imwielda fl-4 ta’ April tal-1994, Lorna bniet karriera rispettata fil-futbol Malti. Bdiet il-vjaġġ tagħha ma’ Hibernians FC, fejn malajr uriet il-kwalitajiet tagħha bħala difensur soda u dixxiplinata.
Wara perjodu qasir ’il bogħod mill-grawnds, hija rritornat għall-futbol kompetittiv fl-2019, u minn hemm ’il quddiem kompliet tħalli l-marka tagħha ma’ diversi klabbs lokali fosthom Mtarfa FC u Valletta FC.
Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli fil-karriera tagħha wasal meta ngħaqdet mat-tim il-ġdid tan-nisa ta’ Mtarfa FC. Maħtura captain, hija kellha rwol fundamentali fit-tmexxija ta’ skwadra li kienet għadha qed tinbena u fl-2022 mexxiet lit-tim lejn l-ewwel rebħa storika tiegħu fil-kampjonat tal-MFA Women’s League.
Illum il-ġurnata, Lorna tibqa’ figura rispettata ħafna fil-futbol femminili Malti, magħrufa għall-konsistenza difensiva tagħha, il-mentalità ta’ tmexxija u l-impenn li dejjem turi kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.
Għalkemm ilha snin twal involuta fil-futbol, Lorna tgħid li għadha tħoss l-istess entużjażmu li kellha meta bdiet tilgħab. Għaliha, kull staġun huwa opportunità ġdida biex titgħallem, taqsam l-esperjenza tagħha ma’ plejers oħra u tkompli tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-isport femminili f’Malta.
Hija temmen li l-impenn, id-dixxiplina u l-imħabba lejn il-logħba huma l-valuri li dejjem wassluha biex tibqa’ attiva u motivata.
Iżda dan l-istaġun ġab miegħu sfida differenti.
“Mhux kampjonat faċli,” tgħidilna b’mod ċar hekk kif titkellem dwar il-kampjonat tal-Beach Soccer femminili organizzat mill-Malta Beach Soccer Association. “Bħala Sliema Beach Soccer, aħna tim pjuttost ġdid u ma nafux kollha lil xulxin sew. Ingħaqadna flimkien għall-ewwel darba u qed nippruvaw nibnu relazzjonijiet bejnietna fil-grawnd.”
Fil-fatt, Sliema huma wieħed mill-aktar proġetti interessanti f’din l-ewwel edizzjoni tal-kampjonat. It-tim Slimiż ġie ffurmat apposta biex jieħu sehem fil-kompetizzjoni u diġà wera potenzjal kbir, tant li kiseb rebħa impressjonanti ta’ 4-2 kontra Birkirkara.
Lorna tispjega li qabel il-beach soccer kienet anke ppruvat il-futsal, iżda ma sabitx l-istess attrazzjoni.
“L-ewwel pruvajt il-futsal, iżda ma tantx għoġobni. Kienet esperjenza differenti, iżda ma ħassejtnix komda fiha.”
Il-beach soccer, min-naħa l-oħra, irnexxielu jattiraha mill-ewwel.
“Din hija l-ewwel darba li qed nilgħab beach soccer u nista’ ngħid li hija esperjenza sabiħa ħafna. Qed nieħu gost tassew. Kif ippruvajtu, indunajt kemm hu sport interessanti u kemm jagħtik sodisfazzjon.”
Waħda mir-raġunijiet li wassluha biex tagħti ċans lil dan l-isport kienet il-fatt li għal snin twal kienet issegwi dan l-isport relatat mas-sajf.
“Il-beach soccer dejjem kien iħajjarni. Kont nieħu pjaċir nara lill-plejers jilagħbu u kont ngħid bejni u bejn ruħi li nixtieq nippruvah xi darba. Issa li kelli l-opportunità, ma ddispjaċini xejn. Għall-kuntrarju, jogħġobni ħafna.”
L-ewwel edizzjoni tal-kampjonat femminili tal-beach soccer qed tinvolvi ħames timijiet u dawn huma Birkirkara, Sliema, Ballun FC, Parr Mela Rockets u Skill and Passion li kollha qed joffru spettaklu sabiħ fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.
Minkejja li l-kompetizzjoni għadha fil-bidu tagħha, il-livell diġà deher wieħed kompetittiv ħafna.
“Hemm ħames timijiet u post wieħed biss fil-Final Four. Dan waħdu jurik kemm il-kampjonat se jkun diffiċli. Kull logħba għandha importanza kbira u ma tistax taffordja titlef punti.”
Minkejja l-isfidi kollha, il-mira ta’ Sliema tibqa’ waħda ċara.
“Nixtiequ naslu sal-aħħar. Naf li mhux se tkun faċli, iżda rridu nibqgħu naħdmu, intejbu l-fehim bejnietna u nkomplu nemmnu fil-kapaċitajiet tagħna.”
Lorna temmen li wieħed mill-isbaħ aspetti tal-beach soccer huwa l-fatt li joffri xi ħaġa differenti minn dak li l-plejers ikunu mdorrijin bih fil-futbol tradizzjonali.
“Hija logħba sabiħa ħafna. Il-logħob fuq ir-ramel joħloq dinamika differenti, trid tadatta għal kundizzjonijiet oħra u anke l-aspett fiżiku jkun differenti. Dan jagħmilha sfida li tħajrek tkompli titgħallem.”
Forsi aktar importanti minn kull riżultat jew klassifika, Lorna tara fil-beach soccer opportunità biex aktar nisa u tfajliet jersqu lejn l-isport.
“Nixtieq inħeġġeġ aktar tfajliet u nisa jipprattikaw dan l-isport. Jista’ jidher differenti jew anke diffiċli għall-ewwel, iżda ladarba tipprovah, tibda tapprezzah u tieħu gost. Huwa mod sabiħ biex tibqa’ attiva, tagħmel ħbieb ġodda u tgħix esperjenzi differenti.”
Il-vjaġġ ta’ Lorna Zahra Cassar fil-futbol diġà kien wieħed mimli sfidi, suċċessi u mumenti memorabbli. Issa qed tikteb kapitlu ġdid fuq ir-ramel ta’ Birzebbugia. Bħall-karriera tagħha fil-futbol ta’ 11-il plejer, qed terġa’ turi l-istess kwalitajiet li dejjem tawha d-definizzjoni meħtieġa, il-kuraġġ li tipprova xi ħaġa ġdida, il-passjoni għall-isport u x-xewqa li tkompli tikber filwaqt li tispira lil oħrajn jagħmlu l-istess.

