Monday, June 22, 2026

‘Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Valletta FC b’entużjażmu kbir’ – Kay Axiak

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Il-familja tiegħi dejjem kienet involuta ħafna fl-isport, speċjalment fil-futbol. In-nannu u missieri t-tnejn lagħbu f’livell għoli fil-futbol Malti, għalhekk trabbejt f’ambjent fejn il-futbol kien dejjem parti mill-ħajja ta’ kuljum. Minn meta kont żgħira kont dejjem bil-ballun f’saqajja, u maż-żmien il-passjoni kibret dejjem aktar. Illum il-futbol mhux biss passatemp għalija, iżda parti importanti ħafna minn min jien.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta FC?

Qed inħares lejn din l-esperjenza b’entużjażmu kbir. Huwa unur għalija li ningħaqad ma’ klabb prestiġjuż bħal Valletta, mhux biss minħabba l-istorja u l-isem li għandu fil-futbol Malti, iżda wkoll minħabba l-viżjoni wara dan il-proġett uniku. Dan il-proġett għandu l-għan li jintroduċi setup aktar professjonali fil-futbol tan-nisa f’pajjiżna, filwaqt li joffri wkoll opportunitajiet lil plejers biex jesploraw toroq barra minn Malta permezz tal-konnessjonijiet tal-klabb ma’ timijiet barranin ta’ livell għoli. Nemmen li dan mhux biss investiment fil-klabb innifsu, iżda wkoll investiment importanti fil-futur tal-futbol tan-nisa Malti, u ninsab eċċitata li nkun parti minn dan il-vjaġġ.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Birkirkara u kemm tgħallimt minnha?

Qattajt sentejn sbieħ ma’ Birkirkara FC, fejn fl-ewwel staġun lagħabt mal-iskwadri tal-U16 u tal-U21, filwaqt li fit-tieni staġun kont parti mill-U21 u mas-Senior team. Matul dan iż-żmien ingħatajt ħafna game time mat-tim tal-kbar, opportunità li jiena grata ħafna għaliha għax għenitni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna. Birkirkara huwa klabb prestiġjuż ħafna u se nitlaq b’ħafna memorji sbieħ u gratitudni lejn kulħadd. Nirringrazzja lill-kowċis u lill-management li dejjem emmnu fija u tawni opportunitajiet importanti biex niżviluppa. Matul dawn is-sentejn għamilt ukoll ħbiberiji sbieħ li napprezza ħafna u li se nibqa’ nżomm qrib tiegħi. Kien kapitlu importanti fil-karriera tiegħi u se nibqa’ nħares lejh b’apprezzament kbir.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li l-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta għamel passi kbar ’il quddiem matul l-aħħar snin. Rajna żieda fil-kwalità tal-plejers, fil-kompetittività tal-kampjonat u wkoll diversi riżultati pożittivi mit-timijiet nazzjonali tagħna, li juru li għandna talent u potenzjal reali f’pajjiżna. Madankollu, għad hemm ħafna spazju għat-titjib u t-tkabbir. Jekk ikompli jiżdied l-investiment fil-futbol tan-nisa, kemm fil-klabbs kif ukoll fl-infrastruttura u l-opportunitajiet għall-plejers, nemmen li nistgħu naraw aktar tfajliet jidħlu fl-isport u b’hekk ikompli jikber il-livell ġenerali. Għandna bażi tajba ħafna fuq xiex nibnu, u ninsab kunfidenti li l-futur tal-futbol tan-nisa f’Malta huwa wieħed pożittiv.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Dan huwa punt sensittiv ħafna għalija, u naħseb li għal ħafna plejers nisa oħra f’Malta wkoll. Filwaqt li l-livell tal-plejers u tal-logħba qed ikompli jitjiebu, l-infrastruttura mhux dejjem qed timxi bl-istess pass. Il-kundizzjoni ta’ xi grawnds, id-dawl, il-faċilitajiet tad-dressing rooms u anke ċerti ħinijiet li fihom jintlagħbu l-logħbiet, mhux dejjem ikunu tal-livell li nixtiequ naraw. Hemm ukoll każijiet fejn il-grawnds ikunu żgħar wisq għal-logħob kompetittiv. Nemmen li jekk il-futbol Malti jrid ikompli javvanza, mhux biss fil-futbol tan-nisa iżda b’mod ġenerali, għandu jkun hemm aktar investiment fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet. Għandna plejers ta’ kwalità u potenzjal kbir, iżda biex nilħqu livelli ogħla rridu noħolqu ambjent li jippermetti lill-plejers jiżviluppaw bl-aħjar mod possibbli.

Taspira li ’l quddiem tilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali?

Din hija waħda mill-ħolm tiegħi sa minn meta kont żgħira. Riċentament ingħatajt l-opportunità li nitħarreġ mat-tim nazzjonali tal-kbar taħt il-kowċ Manuela Tesse, flimkien ma’ ħafna plejers li ammirajt matul is-snin. Kienet esperjenza speċjali ħafna li tatni aktar motivazzjoni u entużjażmu biex inkompli naħdem u nemmen fil-ħolm tiegħi. Diġà nħossni kburija immens kull darba li nilbes il-flokk ta’ Malta fil-livelli taż-żgħażagħ, iżda l-għan ewlieni tiegħi huwa li xi darba nirrappreżenta lil pajjiżi mat-tim nazzjonali tal-kbar.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Bħalissa l-għan ewlieni tiegħi huwa dan il-kapitlu ġdid ma’ Valletta. Nemmen li għandna tim b’ħafna kwalità u ambizzjoni, u ninsab ċerta li nistgħu nagħmlu staġun tajjeb ħafna u nisfidaw għat-titlu. Dak huwa l-ewwel għan tiegħi fil-preżent. Kif għidt qabel, li nilgħab mat-tim nazzjonali tal-kbar hija waħda mill-akbar aspirazzjonijiet tiegħi, iżda l-għan aħħari tiegħi huwa li xi darba nilgħab barra minn Malta f’livell għoli. Se nibqa’ naħdem kuljum biex inkompli niżviluppa bħala plejer u nara kemm nista’ nasal fil-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil dawk kollha speċjalment bniet u tfajliet li jixtiequ jibdew jilagħbu l-futbol.

Il-futbol tani ħafna aktar minn sempliċement sport. Għallimni dixxiplina, impenn, kif naħdem ma’ oħrajn u kif inqum wara mumenti diffiċli. Tani wkoll opportunitajiet li qatt ma kont nimmaġina u ħbiberiji li se nibqa’ napprezza għal ħajti kollha. Għalhekk inħeġġeġ lil kull tifla li forsi qed taħseb biex tibda tilgħab il-futbol biex tagħtiha ċans. Mhux kulħadd se jasal fl-istess livell, iżda kulħadd jista’ jibbenefika minn dak li jgħallmek dan l-isport. Il-futbol jista’ jgħinek tikber mhux biss bħala plejer, iżda wkoll bħala persuna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport