Wednesday, March 12, 2025

Lufthansa Technik b’investiment ta’ €22 miljun f’hangar ġdid b’appoġġ mill-Gvern

Aqra wkoll

Lufthansa Technik Malta se tkun qed tinvesti €22 miljun f’hangar ġdid għall-manutenzjoni tal-ajruplani wide-body, biswit il-faċilitajiet tagħha f’Ħal Luqa. Dan l-investiment huwa wkoll frott l-appoġġ tal-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u INDIS.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mat-tmexxija tal-kumpanija dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet fil-faċilitajiet tal-kumpanija fejn ġie spjegat li apparti l-hangar il-ġdid dan l-investiment li se jkun qed jinkludi wkoll spazju ġdid li ser jkun qed jakkomoda sa tliet ajruplani ipparkjati.

Hekk kif il-Prim Ministru kien qed jiġi spjegat dan l-investiment ġie sostnut kif il-kumpanija toffri servizzi ta’ manutenzjoni ta’ ajruplani Airbus ħlief A380 u l-Boeing 787 Dreamliner. Fil-fatt, minn hawn ħareġ il-bżonn ta’ dan il-proġett li se jwassal għal-benefiċċji ekonomiċi importanti għal pajjiżna filwaqt li jiġġenera 70 impjieg ġdid u li huma high-skilled. Lufthansa Technik hija Ċentru li għandha l-liċenzja Boeing biex b’hekk Lufthansa Technik hija awtoritzzata li tagħmel modifikazzjonijiet fil-kabini ta’ dawn it-tip ta’ ajruplani iżda x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq dawn it-tip ta’ ajruplani ta’ b787 f’diversi postijiet madwar id-dinja.

Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan il-proġett se jkompli jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fl-industrija dinjija tal-MRO (Maintenance, Repair and Overhaul). Madankollu rrimarka kif il-punt tat-tluq jibqgħu l-anadament tal-ekonomija Maltija u l-prospetti ekonomiċi mill-aktar b’saħħithom li qed ikompli jikseb pajjiżna, riċentament bir-rating ta’ A+ minn Fitch Ratings. “Il-kuntest ta’ dan l-investiment huwa l-andament ekonomiku pożitiv ta’ pajjiżna hekk kif mill-2013 l-ekonomija kibret b’86% biex b’hekk qabżet sew it-tkabbir medju fiż-Żona Ewro li kien ta’ 14%”, sostna Dr Abela hekk kif b’rabta mal-industrija tal-avjazzjoni rrimarka li f’sena waħda biss l-impjiegi fis-settur tal-MRO żdiedu għal 1,224 fl-2025 – żieda ta’ 14%. “B’kollox l-industrija tal-avjazzjoni waħedha f’Malta tikkontribwixxi €600 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li tħaddem eluf ta’ persuni”, stqarr il-Prim Ministru.

“Irrid nemfasizza li l-għan tagħna bħalissa mhux fuq il-kwantità imma l-kwalità tal-impjiegi li noħolqu”, sostna l-Prim Ministru hekk kif tenna wkoll li filwaqt li din l-industrija f’pajjiżna qed tkompli tikber dan il-Gvern qed ikompli jaħdem biex jipprepara studenti Maltin sabiex ikunu jistgħu jimirħu f’dan l-industriji. “Imbuttajna fost oħrajn għal kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Malta Enterprise bil-kampanja ‘chooseaviation’ li tinkoraġixxi studenti jesploraw karrieri f’din l-industrija hekk kif qed naraw illum aktar kumpaniji qed jistabbilixxu bażi f’pajjiżna”, irrimarka l-Prim Ministru hekk kif temm jirringrazzja t-tmexxija tal-kumpanija u l-entitajiet kollha konċernati u li għenu biex jitwassal dan l-investiment.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembriqal li dan l-investiment huwa sinjal ċar tal-avvanzi li għamel pajjiżna fil-qasam tal-avjazzjoni. Spjega kif permezz ta’ dan il-proġett qed inkomplu nsaħħu l-irwol ta’ pajjiżna fil-qasam ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ ajruplani (MRO), fl-Ewropa. “Dan l-investiment ta’ €22 miljun isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fis-settur tal-avjazzjoni. Permezz ta’ ppjanar strateġiku, innovazzjoni, u investiment b’saħħtu, qed nibnu industrija tal-avjazzjoni li hija lesta għall-futur, dinamika, u kapaċi tipprovdi servizzi tal-ogħla livell. Is-settur tal-avjazzjoni se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin tat-tkabbir f’Viżjoni Malta 2050. Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura, fit-talent, u fit-teknoloġija meħtieġa biex l-industrija tal-avjazzjoni tagħna tkompli titla’ għal livelli ġodda”, sostna l-Ministru Schembri.

Il-Kap tal-Operat ta’ Lufthansa Technik Harald Gloy qal li bl-espansjoni tal-Base Maintenance Service Center tal-kumpanija f’Malta u ż-żewġ investiment riċenti fil-Portugall u l-Kanada, qed jissaħħaħ n-network globali tal-Lufthansa Technik. “B’hekk ksibna tragward ewlieni ieħor fl-istrateġija korporattiva tagħna fi żmien ftit xhur”, qal Gloy, Żied jgħid, “Il-Lufthansa Technik Malta se tkun l-ewwel fil-familja tal-Lufthansa Technik li se tagħmel xogħol fuq is-787 Dreamliner bħala Boeing-Licensed Service Center għall-modifikazzjonijiet tal-kabina. Dan mhux biss se joħloq għażliet ġodda għall-klijenti tagħna, iżda wkoll impjiegi ta’ kwalità għolja f ’Malta.”

Maria Cilia, il-Kap Eżekuttiv tal-Lufthansa Technik Malta qalet,“Illum jimmarka mument storiku għal Lufthansa Technik Malta hekk kif nibdew vjaġġ trasformattiv li se jsawwar il-futur tal-kumpanija tagħna. Dan il-proġett sinifikanti huwa aktar minn sempliċiment investiment, huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn it-tkabbir, l-innovazzjoni, u l-eċċellenza fil-manutenzjoni tal-avjazzjoni. Flimkien mal-570 kollega tiegħi hawn Malta jiena kburija immens li nara s-sit tagħna jespandi fi fruntieri ġodda. Il-proġett ta’ modifikazzjoni tal-kabina tad-Dreamliner tirrappreżenta evoluzzjoni eċitanti għall-operat tagħna, billi nibnu fuq l-għarfien espert tagħna fil-manutenzjoni. Bħala Kap Eżekuttiv, inġinier, u Maltija kburija, din l-espansjoni naraha bħala opportunità li testendi lil hinn mill-kumpanija tagħna. Issaħħaħ il-Lufthansa Technik Malta, toħloq opportunitajiet għall-impjegati tagħna, itejjeb l-esperjenza għall-klijenti tagħna u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru tal-avjazzjoni. Dan hu l-futur tal-avjazzjoni f’Malta.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport