Luxol St. Andrews FC Malta ħabbru l-ħatra ta’ Marko Rajic bħala Kowċ tat-tim tal-kbar, li jimmarka pass deċiżiv fil-pjan ambizzjuż tal-klabb.
Marko Rajic huwa kowċ tal-futbol liċenzjat mill-UEFA ‘A’ Elite b’23 sena esperjenza fil-kowċing. Għal dawn l-aħħar disa’ snin kien il-pedament tal-Akkademja ta’ Luxol St. Andrew’s f’Malta, fejn iservi bħala Koordinatur Tekniku — jissorvelja l-kontinwità u l-filosofija tal-klabb fit-timijiet kompetittivi minn U15 sa U21 — u bħala Kowċ tat-tim tal- U15.
Taħt it-tmexxija tiegħu, it-timijiet tal-youths ta’ Luxol rebħu diversi unuri, inkluż is-Section A League u r-rebħa doppja tan-Knock-Out fil-livell ta’ U15 fl-2023/24. Qabel ma ngħaqad ma’ Luxol, Marko kien kowċ fl-Iskola ta’ Eċċellenza ta’ Hamrun Spartans u bena r-reputazzjoni tiegħu fis-Serbja bi rwoli mat-timijiet tal-kbar u tal-youths ta’ Sloga FC u Jagodina FC, fejn fost oħrajn għen jiżviluppa lill-player internazzjonali Serb, Predrag Rajković.
Ċentrali għal dik il-viżjoni hemm impenn imġedded lejn iż-żgħażagħ. Luxol St. Andrews se jkomplu jinvestu fl-akkademja u l-perkors tal-plejers tagħhom, u jiżguraw li t-talent lokali jkollu rotta ċara lejn il-futbol anzjan u jifforma s-sinsla tal-iskwadra li qed tinbena.
“Ninsab onorat li nkompli l-vjaġġ tiegħi ma’ Luxol St. Andrews FC f’mument daqshekk eċċitanti għall-klabb,” qal il-Kowċ Rajic. “L-ambizzjoni hawnhekk hija ċara. Ninsab ħerqan li naħdem mill-qrib mal-plejers, l-istaff u t-tim taż-żgħażagħ tagħna biex nibnu tim li jikkompeti fl-ogħla livell fil-futbol Malti.”
Il-Kaptan Nigel James Dunkerley, Viċi President ta’ St. Andrews FC, u s-Sur Jason Falzon, President ta’ Luxol Sports Club, żiedu jgħidu: “Il-ħatra ta’ Marko tirrifletti dak kollu li nirrappreżentaw bħala ambizzjoni tal-klabb, identità, u twemmin fil-plejers żgħażagħ tagħna. Matul l-istaġuni li ġejjin se nibnu u niżviluppaw skwadra kapaċi tisfida kwalunkwe tim, filwaqt li nkomplu ninvestu fl-iżvilupp taż-żgħażagħ tagħna.”
Il-kowċ Rajic se jibda jaħdem immedjatament fuq l-akkwist ta’ players ġodda, it-tħejjijiet tal-pre-season, u l-integrazzjoni tal-prospetti tal-akkademja fit-taħriġ tat-tim tal-kbar. Il-klabb jistenna bil-ħerqa li jilqa’ lill-partitarji, l-imsieħba u l-komunità usa’ tal-futbol fil-vjaġġ li ġej.

