Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Jiena bdejt nilgħab il-futbol fl-età ta’ 12-il sena. Bħala xogħol kont naħdem ġo razzett minn età żgħira biex ikolli dħul ta’ flus għax jiena kont ġej minn familja fqira. Imma z-ziju tiegħi kien dejjem imur jilgħab il-futbol ma’ sħabu fi tmiem il-ġimgħa u kien ħajjarni. Jiena bdejt nilgħab minn dak iż-żmien u bdejt ninteressa ruħi fil-futbol. Niftakar l-aktar li kont immur kien għax kienu jqassmulna l-pizza wara kull logħba. B’hekk imbagħad ta’ tlettax-il sena tlaqt mid-dar għalkollox u bdejt nilgħab il-futbol.
Kif imbagħad spiċċajt tilgħab f’Malta?
Smajt dwar Malta minn eks plejer Brażiljan li kien jilgħab ma’ tim fil-Kampjonat Premier. Jien dak iż-żmien kont qed nilgħab ma’ tim fin-naħa ta’ fuq tal-Brażil, u ddeċidejt li nitlaq minn pajjiżi u niġi fl-Ewropa fejn inkun miftuħ għal aktar opportunitajiet.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Hibernians FC, Floriana FC, Senglea Athletic FC u Gzira United FC.
Għandi biss memorji sbieħ ma’ kull tim li jiena lgħabt miegħu hawn Malta. Dejjem irnexxielna niksbu riżultati tajbin għall-klabbs li kont magħhom; minn rebħ ta’ ligs, għal promozzjoni f’rounds f’logħob fl-Ewropa u li nikkwalifikaw ma’ timijiet tajbin fil-Premier league. Iltqajt ma’ ħafna plejers oħrajn li saru daqslikieku l-familja tiegħi, u wkoll ma’ kowċis li minnhom tgħallimt ħafna.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ St Andrews FC matul l-istaġun li għadda fil-BOV Challenge League?
St Andrews FC għandhom ‘set-up’ mill-aqwa, b’taħlita tajba ta’ plejers żgħażagħ Maltin u barranin. Sibt grupp tajjeb li ġiegħlni nħossni milqugħ fil-klabb. Għalkemm f’Jannar li għadda, konna qed niġġieldu fiż-żona tar-relegazzjoni, b’xi irfinar irnexxielna nirbħu kważi l-aħħar partiti kollha wara sforz kollettiv. Sibt il-BOV Challenge League pjuttost eċċitanti, fejn tista’ toħloq, tiskurja u tirbaħ.
Kif qed tara l-livell tal-futbol f’Malta bħalissa u kif tara li nbidel matul iż-żmien?
Sfortunatament, matul iż-żmien ma tantx rajt li l-livell tal-futbol f’Malta tjieb. Meta kont wasalt hawnhekk konna erba’ barranin, u konna sibna kwalità aħjar, iktar determinazzjoni fil-grawnd, u flimkien ma’ dawk Maltin konna naraw opponenti aktar b’saħħithom fil-grawnd.
Jiena nħoss li l-kwalità, aktar milli l-kwantità tal-plejers barranin, kowċing aktar b’saħħtu (‘grassroots’), u wkoll kwalità aħjar ta’ set-up professjonali jikkontribwixxi għal titjib fil-futbol lokali.
X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq ir-riżorsi (grawnds) fejn isir it-taħriġ u biex tilgħab il-futbol b’mod kompetittiv?
Dejjem hemm bżonn li jsir titjib fejn jidħlu l-faċilitajiet, għalkemm hemm ħafna grawnds, iżda biex issib grawnd tajjeb huwa ferm diffiċli hawn Malta. Iżda wieħed tajjeb li jsemmi li meta xi ħadd ikollu bżonn rijabilitazzjoni, fiżjo-terapija jew xi trattament, it-timijiet issa huma aktar attrezzati minn qabel.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li wkoll jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.
Ma jistax ikollok talent mingħajr ma taħdem qatigħ! Jekk plejer żagħżugħ jixtieq li jasal xi mkien u jikseb xi ħaġa, hemm bżonn li jkun konsistenti, jaħdem, jagħmel sagrifiċċji u jibqa’ ffukat!