Monday, November 11, 2024

Ma nstabux responsabbli għall-flixkien li twaddbu mal-faċċata ta’ club f’Paceville

Aqra wkoll

Żewġt irġiel Sirjani li tressqu l-Qorti ma nstabux ħatja li wettqu b’iktar minn €2,500 fi ħsara fuq propjetà pubblika waqt ġlieda li kellhom ma’ grupp ta’ bouncers f’Paceville, u li kisru l-paċi pubblika.

Bashar Sheikh Ahmad Antar ta’ 22 sena residenti s-Swatar u Yusef Sheh Ahmad Haled ta’ 31 sena, huma ż-żewġ persuni li ġew mixlija b’dawn ir-reati.

Il-każ imur lura għall-1 t’Awwissu tal-2020, meta fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, bouncer ta’ wieħed mill-clubs f’Paceville lemaħ Sirjan “iwaddab” tazza mal-art ħdejn sieq tfajla. Il-bouncer mar jintervjeni biex jixħet lis-Sirjan ‘il barra.

Il-Qorti semgħet kif is-Sirjan ta’ 22 sena prova jipperswadi lill-bouncer biex ma jitfax lil sieħbu ‘l barra. Min-naħa tagħhom, il-bouncers tefgħu l-grupp sħiħ ‘il barra mill-club. Kien f’dak il-mument li s-Sirjani bbumbardjaw il-faċċata tal-club bit-tazzi.

Il-Prosekuzzjoni, immexxejja mill-kuntistabbli Terry James Mallia qalet li dakinhar li seħħ il-każ, kien hemm kommossjoni quddiem Club H. Il-kuntistabbli, għalkemm ikkonferma li ra xi tazzi jtiru lejn il-faċċata tal-club imsemmi, ma rnexxilux jara min kien tefagħhom.

Il-kuntistabbli kompla jgħid li f’diskussjoni li kellu ma’ wieħed mill-bouncers, huwa qallu li s-Sirjan kien tefa’ t-tazza mal-art u mhux waqqagħha. Barra minn hekk, l-istess bouncer ikkjarifika li s-Sirjan ta’ 31 sena ġie arrestat minħabba li wara illi s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata kiser il-paċi pubblika billi mar quddiem il-club jgħajjar persuni fl-istabbiliment.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, qalet li għalkemm ġiet preżentata b’filmat, dan kien meħud minn sit elettroniku tal-aħbarijiet u mhux minn CCTV ta’ xi stabbiliment ta’ Paceville. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda persuna biex tikkonferma jekk dan il-filmat hux awtentiku. Intant, il-Qorti kellha tkun kostretta tiskartah.

Il-fatt li ħadd mix-xhieda ma’ identifika lill-akkużati bħala l-persuni responsabbli li waddbu l-flixkien, dan wassal biex iż-żewġ Sirjani nħelsu mill-akkużi miġjuba kontrihom.

Sport