Saturday, May 4, 2024

Madwar 700,000 immigrant lesti biex jitilqu mil-Libja lejn l-Ewropa

Aqra wkoll

Rapporti tas-Servizz Sigriet Taljan li ġew ippubblikati mill-Membru Parlamentari Taljan Tommaso Foti qed jgħidu li madwar 700,000 immigrant jinsabu lesti l-Libja biex hekk kif it-temp ikun tajjeb, jibdew il-vjaġġ lejn l-Ewropa.

Foti waqt li kien qiegħed jitkellem fuq Tgcom24 qal li s-sitwazzjoni hija waħda allarmanti ħafna u s-Servizz Sigriet Taljan għandu informazzjoni konkreta li bħalissa mill-inqas hemm kważi 700,000 immigrant lesti biex jaqsmu biex jew jidħlu Malta jew l-Italja.

Il-Prim Ministru Taljan Meloni qiegħda tittama li b’dan ir-rapport f’idejha aktar tard dan ix-xahar se tkun qiegħed tressaq diversi proposti lill-Unjoni Ewropea u se tkun qed titlob solidarjetà konkreta u mhux biss bid-diskors.

Ftit tal-ħin wara li Foti żvela dan ir-rapport, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigranti qalet li l-Membru Parlamentari qed iħawwad il-figuri. Filwaqt li l-Organizzazzjoni ma ċaħditx dawn il-figuri qalet li mhux l-immigranti kollha li semma Foti jridu jmorru lejn l-Ewropa.

Flavio Di Giacom il-kelliem għall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigranti qal li huma wkoll għandhom dawk il-figuri f’idejhom, iżda parti żgħira minnhom biss iridu jaqsmu bil-baħar lejn l-Ewropa.

Mill-bidu ta’ din is-sena sal-10 ta’ Marzu fl-Italja daħlu aktar minn 17,600 immigrant, apparti li mijiet oħrajn mietu fil-baħar Mediterran.

Sport