San Ġiljan Saints wettqu l-ewwel sorpriża tal-istaġun il-ġdid tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Senglea Gunners 2-1.
Senglea daħlu għall-ewwel impenn tagħhom fil-kampjonat b’fiduċja kbira wara bidu mill-aqwa tal-istaġun bir-rebħ tal-Joe Compagno Cup u t-Twanny Agius Fair Play Cup, iżda San Ġiljan waqqfulhom is-sensiela ta’ rebħ fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat.
Kien Sandy Victor Paillot li poġġa lil San Ġiljan fil-vantaġġ fis-26 minuta, vantaġġ li s-Saints irnexxielhom iżommuh sa tmiem l-ewwel taqsima.
Senglea ħarġu aħjar wara l-mistrieħ u kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Ali Oularbi fit-43 minuta, biex il-konfront baqa’ miftuħ beraħ sal-aħħar.
Madankollu, il-mument deċiżiv wasal fil-ħin miżjud. Meta kollox kien qed jindika li l-partita kienet se tintemm fi draw, Alexander Nilsson sab ix-xibka fil-ħin mogħti żejjed mir-referee biex ta lil San Ġiljan rebħa drammatika ta’ 2-1 u l-ewwel tliet punti tal-istaġun.
F’partita oħra mill-ewwel ġurnata, iċ-champions renjanti tat-Tieni Diviżjoni, Attard Edex Kings, iċċelebraw il-passaġġ tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-MAFA b’rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Swieqi United.
Salman Karim fetaħ l-iskor fid-disa’ minuta, filwaqt li Dideon Ikenna Okoro skorja darbtejn, fil-45 u fil-55 minuta, biex issiġilla rebħa komda għal Attard.
Intant, Marsa St Michael ukoll bdew l-impenji tagħhom b’rebħa wara li għelbu lil Valletta Stars St Dominics 1-0. Kien Yassine Bouslimi li skorja l-uniku gowl tal-konfront fit-48 minuta.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Attard Edex Kings, San Ġiljan Saints, Marsa St Michael 3, Valletta Stars St Dominic, Senglea Gunners, Swieqi United, Valletta St Paul’s 0



