Il-Ħadd filgħodu, Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ imtliet b’mijiet ta’ sewwieqa tal-muturi li ngħaqdu flimkien f’inizjattiva ta’ solidarjetà u ġenerożità waqt il-Bike Ride b’risq Dar Bjorn u ALS Malta+. Din l-attività ġabret flimkien għadd kbir ta’ dilettanti ta’ muturi, li lkoll taw taw is-sehem tagħhom biex jappoġġjaw din il-kawża tant importanti.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ John Bundy, wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività u li ħa sehem ukoll fil-Bike Ride. Huwa ddeskriva l-ġurnata tal-Ħadd bħala waħda fenomenali, filwaqt li stqarr li r-rispons qawwi min-naħa tas-sewwieqa tal-muturi ħallieh kommoss.
“Il-Maltin, partikolarment il-bikers, mill-ewwel jirreaġixxu għal dak li jkun hemm bżonn, għas-sejħiet li nagħmlu b’mod partikolari għal għaqdiet bħal dawn, ALS.
“Tħares lejn Bjorn Formosa li ġie hawn bis-sodda b’kollox fit-triq biex jara l-ħolma tiegħu u ta’ Robert Bugeja titwettaq. Dan ir-raġel li jinsab f’din il-kundizzjoni u jibqa’ jaħdem biex jibqa’ jgħin lil min qiegħed f’Dar Bjorn u lil min qed jistenna biex jidħol f’Dar Bjorn.”
John Bundy temm billi rringrazzja lis-sewwieqa kollha tal-muturi li ħadu sehem f’din l-attività, kif ukoll lill-entitajiet kollha li taw is-sehem tagħhom biex l-avveniment seta’ jsir b’mod organizzat u sigur, fosthom l-uffiċjali tal-Pulizija, Transport Malta, LESA u l-kunsilli lokali.

