Tuesday, May 21, 2024

MAFA: Valletta St Pauls fit-tieni post wara rebħa kbira

Aqra wkoll

Valletta St Pauls jinsabu fit-tieni post tal-klassifika tal-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni, punt taħt il-liders Marsa St Michael wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Żebbuġ Youngsters 5-0.

Il-Beltin kienu dominanti tul il-partita kollha biż-Żebbuġin li kellhom skwadra ridotta u dan seta’ effettwa l-wirja tagħhom. Minkejja kollox, kien biss fit-tieni taqsima li l-Beltin setgħu jiskorjaw wara li fl-ewwel waħda spiċċaw fi dro ta’ mingħajr gowls.

It-tieni 35 minuta kienu ferm differenti bil-Beltin imorru minn fuq permezz ta’ Dylan D’Agostino fl-40 minuta sabiex Stephan Subasic irdoppja tmien minuti wara.

Chris Farrugia għamilhom 3-0 fid-49 minuta b’Rudolf Santiago jiskorja fil-55 minuta u b’Dylan Zammit li ssiġġilla r-rebħa għas-St Pauls.

Referee kien Elaine Bonnici.

Il-liders tal-klassifika Marsa St Michael setgħu jiġu biss fi dro ta’ mingħajr gowls kontra ċ-champions preżenti San Ġiljan Saints.

Minkejja li ma kienx hemm gowls, il-partita kienet pjaċevoli b’San Ġiljan ikunu tajbin fl-ewwel taqsima u bil-gowlkiper Jurgen Cilia ta’ Marsa li reġa’ kien f’forma mill-aqwa.

Fit-tieni waħda, Marsa tjiebu ferm iżda d-difiża ta’ San Ġiljan żammet sod sabiex l-iskor finali spiċċa dak ta’ 0-0.

B’dan ir-riżultat, Marsa għadhom bla telfa u għandhom punt vantaġġ fil-klassifika b’San Ġiljan li jinsabu ħames punti warajhom iżda fil-pożizzjoni ta’ qabel tal-aħħar.

Referee kien Peter Abela.

Mqabba Albions u Tal-Qroqq Versity Kamelasa irreġistraw l-istess skor ta’ 0-0 f’logħba oħra ferm interessanti.

Mqabba Albions kellhom iċ-ċans jirbħu l-partita iżda fallew penalty meta Elias Beltran ra x-xutt tiegħu jispiċċa barra.

Min-naħa tagħhom, Tal-Qroqq Versity Kamelasa bdew itellgħu kontrattakki perikolużi bil-gowlkiper Daniel Buttigieg li kien ferm tajjeb f’diversi ċirkostanzi.

B’dan id-dro iż-żewġ timijiet għandhom tmien punti fil-klassifika ġenerali.

Referee kien Lorry Sammut.

San Ġwann Pro Evolution Academy irritornaw għar-rebħ bi stil meta għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat fl-aħħar minuta tal-partita permezz ta’ Robin Housset.

Din kienet it-tieni darba li t-tim mill-Kottonera tilef il-partita b’dan il-mod. Huma jinsabu tliet punti bogħod mill-quċċata bl-istudenti Franċiżi li issa telgħu fit-tielet post b’għaxar punti.

Referee kien Georgi Bitri.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Għaxaq Wolves ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom hekk kif għelbu lil Buġibba Club de Swat 3-0.

L-Għaxqin kellhom ħafna mill-kontroll tal-logħba bit-tim Indjan li taw qalbhom iżda fil-ġurnata sabu lill-avversarji f’vena mill-aqwa.

Għaxaq Wolves marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta hekk kif il-plejer t’esperjenza Christian Cassar ikkonverta penalty sabiex fit-tieni taqsima Victor Oiowoyo għamilhom tnejn minn penalty ieħor. Waylin Spiteri ssiġġilla r-rebħa finali fit-72 minuta sabiex ta tliet punti importanti għat-tim tiegħu li saħħew l-ewwel post tal-klassifika.

Referee kien Milos Krstic.

Attard Edex Kings irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Gżira United Sports Club 4-1. Għal dawn tal-aħħar din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun.

Kien Obelis Cuero li poġġa lil Attard minn fuq b’Shamseer Muhammed li għamilhom 2-0 ħames minuti wara.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Anos Souhale naqqas il-marġni tal-iskor għal Gżira.

Fit-tieni taqsima, Attard komplew fejn ħallew u żiedu żewġ gowls oħra permezz ta’ Miguel Acevedo u Arvey Cuero.

Referee kien Reno Galea.

KLASSIFIKA – Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni

Marsa St Michael 12, Valletta St Pauls 11, San Ġwann Pro Evolution 10, Senglea Gunners 9, Mqabba Albions, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 8, San Ġiljan Saints 7, Żebbuġ Youngsters 1.

KLASSIFIKA – MAFA It-Tielet Diviżjoni

Għaxaq Wolves 12, Attard Edex Kings 11, Buġibba Club de Swat 8, Gżira United SC 7, Fgura Spartans 5, Ħamrun Amateurs 4

Sport